Ivan Bartolo, PN
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li t-trasparenza u l-kontabbiltà huma kruċjali kemm fl-għaqdiet volontarji kif ukoll fil-ħajja pubblika u fil-politika.
Fil-parlament Ivan Bartolo tkellem dwar l-importanza tal-kontabbiltà fl-għaqdiet volontarji u qal li llum mhux faċli li ssib persuni li lesti jidħlu għall-impenn li jgħinu lil ħaddieħor. Għalhekk jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet jkollhom spirtu li jgħmel sens fil-ħajja mgħaġġla tal-lum; il-volontarji jridu jkunu veru dedikati u jagħtu kollox għal ħaddieħor. Il-bniedem dejjem ifittex li jkun bniedem sħiħ iżda l-volontarjat jagħti dan is-sens ta’ sodisfazzjon.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-ngos għandhom jużaw l-għodda b’mod tajjeb u spjega kif tul il-COVID-19 kien hemm għaqdiet volontarji li baqgħu joħorġu eluf ta’ pagi biex is-servizzi jibqgħu għaddejjin. Jeħtieġ li l-għaqdiet volontarji jkunu rikonoxxuti għaliex dawn ifissru ġid fil-pajjiż.
Id-deputat Nazzjonali qal li dawn huma rikkezzi li l-pajjiż irid jibża’ għalihom; għahekk l-istat irid jirrikonoxxi dan. Importanti għalhekk li l-Istat ma jgħakkisx lill-familji u lill-missirijiet li wara x-xogħol imorru jaħdmu fil-volontarjat.
Il-pajjiż ikun qed jitlef f’dawn iċ-ċirkostanzi; il-gvern għandu jgħin biex ikun hawn ġustizzja soċjali. Mingħajr il-volontarjat, il-pajjiż ikollu elementi neqsin għaliex il-volontarjat jagħti dinjità lill-bniedem.
Ivan Bartolo semma’ d-dikjarazzjonijiet tal-assi tad-deputati u qal li jekk dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu korretti jkunu jistgħu jsiru paraguni bejn is-snin biex ikun stabbilit jekk id-dħul tad-deputati jkunx ġej mid-dħul normali jew minn attività oħra.
L-ngos’ iridu jkunu ta’ mera għal dak li jsir fil-pajjiż b’mod ġenerali fuq persuni pubbliċi. Meta persuni fil-ħajja pubblika jaħbu ġidhom ikunu qed jibgħatu messaġġ żbaljat. Min jaħbi ġidu ma jistax ikun kontabbli, sostna Ivan Bartolo, li kompla li politiku ma jistax jagħti kont ta’ għemilu meta joħloq kumpaniji sgrieti; jiżbalja iktar minnhom min jaħbilhom.
Id-deputat Nazzjonalista qal li t-trasparenza u l-kontabbiltà huma importanti u sostna li l-pajjiż irid jibgħat messaġġ li l-korruzzjoni mhix aċettabbli. Dawn huma l-konsegwenzi ta’ gvern li m’għandux morali.
//= $special ?>