Lokali

AĠĠORNATA: Melvin Theuma fil-periklu tal-mewt wara li sofra ġrieħi serji f’għonqu u f’żaqqu

Skont il-Pulizija, Melvin Theuma "weġġa' lilu nnifsu"

Is-sewwieq tat-taxi Melvin Theuma iddaħħal b’urġenza l-isptar wara li ġarrab ġrieħi serji f’każ li żviluppa tard illejla fis-Swieqi, bil-Pulizija tgħid li l-ewwel indikazzjonijiet juru li Theuma – il-middleman fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – “weġġa’ lilu nnifsu”. Għalkemm dan is-sit irċieva wkoll rapporti konflinġenti li jikkontradixxu dak li intqal mid-Depot, fi stqarrija li ħarġet ftit tal-minuti biss wara li Theuma ttieħed mill-post.

Skont din l-istqarrija uffiċjali maħruġa mill-Korp, intqal illi meta l-avukat ta’ Melvin Theuma ma setgħetx tistabbilixxi kuntatt mal-middleman inġibdet l-attenzjoni tal-Pulizija mill-istess avukat.

Immedjatament, il-Pulizija li tkun għassa fuq barra tal-appartament ta’ Melvin Theuma il-ħin kollu, daħlet fuq ġewwa flimkien ma’ martu, u hawn sabu lill-middleman isofri minn ġrieħi. Minnufih intalbet għajnuna medika.

Net News jista’ jikkonferma li Theuma ttieħed mir-residenza tiegħu b’ambulanza, mitluf minn sensih. L-ambulanza kienet skortata mill-Pulizija sal-isptar Mater Dei.

Sorsi minn Mater Dei qed jindikaw li Theuma ddaħħal fit-teatru tal-operazzjonijiet għall-ħabta tal-11pm. Il-vittma għandu feriti kemm f’għonqu kif ukoll f’żaqqu.

Dwar il-każ infetħet inkjesta immexija mill-Maġistrat Astrid Grima.

Il-Pulizija f’dan l-istadju mhi qed teskludi xejn.

L-Erbgħa tkompli l-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech

Dan l-iżvilupp inkwetanti seħħ eżatt lejliet li se tkompli l-kumpilazzjoni tal-imprenditur Yorgen Fenech, li bħal Theuma allegatament kien involut fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fis-smigħ tal-Erbgħa kellha tiġi preżentata il-proklama li kienet ingħatat f’Novembru li għadda lil Melvin Theuma.

Aktar kmieni

Tard illejla għall-ħabta tal-10pm, numru kbir ta’ Pulizija issejħu qrib ir-residenza fejn jgħix Melvin Theuma. Fil-post waslet ukoll ambulanza li ħadet persuna l-isptar b’urġenza.

Ir-raġel ittieħed mitluf minn sensih, f’ambulanza li kienet skortata mill-Pulizija.

Net News jista’ jikkonferma li ftit tal-ħin ilu waslu wkoll l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.

Sorsi fil-post qed jgħidu li fil-blokka ta’ appartementi fejn seħħ il-każ, ħadd mhu jitħalla jidħol.

Fit-triq hemm preżenza kbira ta’ RIU u Pulizija tad-Distrett, flimkien ma’ membri tas-CID.

Melvin Theuma hu l-middleman u wieħed mill-persuni kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hu kien ingħata l-maħfra presidenzjali f’Novembru li għadda mill-Kabinett tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat sabiex jikxef l-informazzjoni kollha.