Il-Kunsilliera tal-PN fil-Floriana qed jappellaw biex mill-aktar fis tinżamm laqgħa ma’ dawk kollha konċernati fl-iżvilupp (PA 08267/19) li se jsir faċċata tal-fdalijiet tal-Bieb ta’ Notre Dome u ftit passi ‘l bogħod mis-swar tal-istess lokalità.
Fi stqarrija maħruġa mill-Minority Leader James Aaron Ellul u mill-Kunsilliera Justine Palmier, intqal li preżentament l-applikazzjoni qed tindika li fit-telgħa ta’ Sa Maison se tinbena binja li se tkun qed isservi bħala Fire Station Department, madanakollu dwar dan l-iżvilupp sa fejn jafu l-Kunsilliera Nazzjonalista qatt ma nżammet laqgħa ta’ konsultazzjoni u ta’ informazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Floriana. Fid-dawl ta’ dan, fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill li saret fit-8 ta’ Lulju, 2020 il-PN fil-Kunsill esprima d-diżappunt tiegħu mill-ġdid għal dan l-iżvilupp, u mhux hekk biss iżda talab biex tinżamm laqgħa minnufih ma’ dawk kollha konċernati għax bi dritt il-Furjaniżi jistħoqqilhom li jkunu infurmati dwar l-iżvilupp li qiegħed isir fil-lokal tagħhom. Din il-laqgħa sad-data li nkitbet din l-istqarrija għadha ma nżammitx.
Il-Kunsilliera tal-PN qed jappellaw għall-informazzjoni filwaqt li jkun hemm ħarsien lejn il-patrimonju ta’ Malta u tal-Floriana filwaqt li jinsistu li l-Kunsill jeħtieġ li jibqa’ jagħmel dmiru sal-aħħar, fejn akkost li qed jingħad li din hija materja ta’ sigurtà nazzjonali, ma ninsewx li huwa fid-dmir tagħna li aħna nħarsu l-lokalità, f’kull aspett, inkluż lill-patrimonju għani li l-Floriana tagħna tħaddan.

Kif sħaqna is-sena li għaddiet, kemm bħala Kunsilliera tal-Partit Nazzjonslista, kif ukoll entitajiet oħra fil-lokal u individwi, li fuq kollox l-iżvilupp xorta waħda qed jikser diġà numru ta’ policies. Estetikament din il-binja se tistona mal-bqija tal-karattru ta’ ħdura u spazji miftuħa tal-Floriana għax id-diżinn fost l-oħrajn jinkludi blokka massiva (dejjem sal-pjanti li rajna qabel mal-applikazzjoni ġiet emendata).
1. Fil-pjan lokali, iz-zona hija indikata bħala ‘Areas of Open Space – To retain Open Space Character’. Defenizzjoni ċara li l-art għandha titħalla bħala spazju miftuħ. (Policy GF13)
2. Il-Floriana hija UCA (Urban Conservation Area) u b’hekk id-diżinn irid jikkumplimenta dan. L-għoli tal-bini jrid ukoll jiġi studjat.
3. Faċċata tal-imsemmi proġett hemm il-fdalijiet storiċi tal-Bieb ta’ Notre Dame, is-swar tal-Floriana u ftit aktar ‘il fuq mill-Ġnien tal-Milorda. Ilkoll strutturi/binjiet li huma ta’ importanza storika għal Malta. Hija ċara li l-possizjoni ta’ dan il-proġett ma jikkumplimentax mal-ambjent storiku tal-madwar.
Il-Kunsilliera tal-PN jemmnu li għandna nżommu l-prinċipji tagħna sodi, u li flimkien nistgħu noħolqu bilanċ, triq tan-nofs, iżda dan irid isir b’konsultazzjoni denja, u mhux billi l-entitajiet u dawk kollha konċernati jgħaddu romblu minn fuqna. Mhux ġusta li l-informazzjoni ma tingħatax lir-rappreżentanti kollha tal-lokal. Il-PN fil-Floriana se jibqa’ jinsisti li l-lokal tagħhom jingħata prijorità, u dan ifisser li nħarsu l-wirt tagħna. Il-PN fil-Floriana se jibqa’ jaħdem biex dan dejjem isir, filwaqt li jappella biex il-Floriana ma tibqax tkun użata, li r-residenti jingħataw widen, li jsir investiment mhux għall-entitajiet, iżda għall-qalb tal-lokal, għall-Furjaniżi u għall-Floriana u li għandha nuqqasijiet u sfidi diversi li jeħtieġ li jingħataw prijorità assoluta.
//= $special ?>

