Lokali

“Lejn azzjoni konkreta” – Adrian Delia

Nhar il-Ħamis li ġej huwa jum importanti sabiex tittieħed azzjoni konkreta fl-aqwa interess tal-Partit Nazzjonalista.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jieħu sehem fil-programm Feedback fuq Net FM.

Adrian Delia qal li fil-laqgħa tal-Eżekuttiv hemm bżonn li tittieħed azzjoni konkreta sabiex il-PN ikun partit kredibbli li jista’ joffri alternattiva għal dan il-Gvern.

Hu enfasizza l-bżonn li l-PN jerġa’ jibni l-fiduċja fost in-nies. Għalhekk jeħtieġ li jiġi preżentat l-aqwa tim għall-elezzjoni ġenerali li jmiss – tim b’ideat ġodda f’diversi oqsma.

Adrian Delia qal li daħal fil-politika għax ra li seta’ jagħti servizz lill-Partit Nazzjonalista u lill-pajjiż biex ikun hemm demm ġdid.

Matul din l-intervista, Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-kwistjoni tal-barranin li qed jidħlu f’pajjiżna u li qed ikunu ta’ piż fuq id-densità tal-popolazzjoni. Hu qal li l-Gvern qed jimporta l-prekarjat, u għalhekk …issa aktar minn qatt qabel… hemm bżonn li ninvestu fuq xoghol ta’ kwalità u mhux il-kwantità.