Hekk kif ġie fi tmiemu s-summit Ewropew li kien qed jiddiskuti il-fondi tal-UE għas-snin 2021-2027 kif ukoll fondi għall-irkupru mill-COVID-19, issa sar magħruf l-ammont li kiseb pajjżina.
Wara l-itwal negozjati dwar il-budget tal-Unjoni Ewropea fi Brussell, skont stqarrija tal-Gvern, pajjiżna se jkun qed jieħu €1.923 biljun mill-budget tal-UE għas-seba’ snin li ġejjin u €327 miljun bħala fondi marbuta mad-daqqa li ġabet magħha l-pandemija tal-Coronavirus.
Il-President tal-Kunsill Charles Michel laqqa’ Kunsill Ewropew Speċjal bejn is-17 u l-21 ta’ Lulju fejn ippreżenta proposta aġġornata.
Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru Malti kellu diskussjonijiet mal-President tal-Kunsill Ewropew u Kapijiet oħra tal-Gvernijiet Ewropej.
Dan il-ftehim ikompli jżid mal-miljuni ta’ fondi li pajjiżna kiseb sa minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea lura fl-2004 taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami. Aktar tard, taħt amministrazzjoni Nazzjonalista mmexxija mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi, Malta u Għawdex komplejna niksbu aktar fondi kif ukoll dħalna fiz-Zona Ewro – pass li kompla jgħin biex pajjiżna jimxi ‘l quddiem ekonomikament.
Ir-riżorsi propji mħallsa lill-budget tal-Unjoni Ewropea jiġu kkalkulati awtomatikament fuq il-bażi tal-iżvilupp ekonomiku relattiv tal-Istati Membri. Minkejja l-pjan ekonomiku li ħalla Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi u li wassal għala ndament ekonomiku qawwi ta’ Malta f’dawn l-aħħar snin, dan il-pakkett mogħti lil Malta issa, jfisser li l-bilanċ nett ta’ Malta mill-baġit tal-Unjoni Ewropea se jibqa’ pożittiv b’mod sostanzjali għas-snin li ġejjin.
Stqarrija tal-Gvern Malta qalet li l-Prim Ministru radd ħajr lil dawk kollha li kienu involuti fix-xhur ta’ negozjati kkumplikati u diffiċli ħafna li wasslu għall-pakkett finali ta’ Malta. Huwa saħaq li l-Gvern se jagħmel l-almu tiegħu sabiex dan ir-riżultat jiġi tradott fi programmi u proġetti biex nikkonsolidaw aktar investimenti fl-ekonomija u ċ-ċittadini tagħna.
//= $special ?>