Edukazzjoni Lokali

MCAST: “Sillabi ta’ standard baxx imfassla minn nies inkompetenti”

Is-sitwazzjoni deskritta bħala 'meltdown' tal-kulleġġ

Il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) qed iħabbat wiċċu ma’ kriżi hekk kif fi ftit ġimgħat ra r-riżenji ta’ għadd ta’ persuni li kienu jokkupaw karigi importanti.

F’Mejju li għadda, Fredrick Schembri li kien jokkupa l-kariga ta’ President tefa’ r-riżenja tiegħu. Riżenja li nżammet kwieta kemm jista’ jkun.

Ir-riżenja ta’ Schembri ġiet bħala sorpriża għal ħafna. L-aktar meta f’ċirkulari li kien bgħat f’Jannar, kien saħaq u insista li kien se jaħdem biex fil-kulleġġ ikun hemm prassi ta’ governanza tajba, trasparenza u kontabilità.

Ħafna kienu interpretaw it-tluq ta’ Schembri mill-kariga bħala sinjal li ma kienx qed jitħalla jwettaq dak li kien wiegħed.

Iżda wara r-riżenja ta’ Schembri, daqs tlett ġimgħat ilu waslu wkoll żewġ riżenji importanti. Dawk ta’ żewġ persuni f’karigi għolja fid-Dipartiment tal-Kurriculu, jiġifieri d-dipartiment responsabbli mit-tfassil tas-sillabi għall-korsijiet kollha tal-kulleġġ. Dawn ir-riżenji mhumiex qed jitqiesu bħala li huma marbuta direttament ma’ dik tal-President, madankollu qed ikomplu juru l-kriżi li sab ruħu fih dan il-kulleġġ.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News spejagaw kif fl-aħħar snin kien hemm racket sħiħ f’dak li hu t-tfassil tal-curricula fi ħdan l-MCAST. Jidher li s-sillabi tal-korsijiet mhumiex imfassla mill-lettturi ta’ dan il-Kulleġġ, iżda l-problem mhix dik. Il-problem li ffaċċjaw ħafna għalliema f’dan il-kulleġġ hija li s-sillabus li kien qed jiġi ppreżenatat lilhom u li kellhom jimxu fuqu fil-klassijiet kien wieħed ta’ livell baxx u “magħmul minn nies inkompetenti”.

Jidher li dawn is-sillabi kienu qed jiġu mfassla minn persuni li ħadd ma jaf min huma. Madankollu l-istess sorsi qalulna li dawn il-persuni li qatt ma kkomunikaw mal-letturi nfushom, kienu qed jitħallsu l-eluf għal kull sillabu li jfasslu, biex imbagħad il-letturi xorta jkollhom jieħdu biċċa xogħol u jirranġaw is-sillabi li ħafna drabi lanqas biss kienu jagħmlu sens.

Il-livell baxx tal-istandards tas-sillabi hu maħsub li qed iwassal ukoll biex il-kulleġġ jieħu fama li m’għandux il-livelli mixtieqa f’dik li hija edukazzjoni post-sekondarja.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici jidher li kien mgħarraf b’dak li kien għaddej b’rabta mar-rackets tas-sillabi. Madankollu, kull ma ġara issa hu li żewġ persuni fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu tefgħu ir-riżenja tagħhom, u servew ta’ ħrief tas-sagrifiċċju, biex taparsi ġiet solvuta l-problema. Iżda jidher li ma nbidel xejn aktar f’dak li hu t-tfassil tal-kurrikulu, u l-istess nies li kienu qed iħarbxu dawn is-sillabi, għadhom hemm.

In-nuqqas ta’ kontabilità f’dan il-kulleġġ qed twassal għal riżenji minn karigi għolja, imma agħar minn hekk qed twassal għal possibiltà li l-istudenti ta’ din l-istituzzjoni edukattiva ma jieħdux il-livell ta’ tgħalim li hu mistenni.

Fost l-oħrajn, numru ta’ studenti li temmew b’suċċess korsijet fl-inġinjerija elettrika u mekkanika ilhom is-snin jistennew il-ħruġ tal-warrant tagħhom. Sa issa, għadhom jistennew.