Birkirkara St Joseph Sports klabb organizzaw l-ewwel tellieqa tas-sajf fl-Imtarfa wara l-waqfa twila minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-BSJ 5k Road Running Series, appoġjat minn Eurosport Malta taħt l-awspiċji tal-MAAA ilu jsir għal dawn l-aħħar 12 -il sena u għal din l-edizzjoni attendiet folla ta’ atleti mdaqqsa.
Imed Ben Moussa beda tajjeb u kiseb vantaġġ komdu segwit minn Aidan Tanti u Neil Brimmer li kollha kienu qegħdin fuq quddiem jissieltu għal post fuq il-podju. Fl-aħħar parti tat-tieni dawra, Tanti rnexxielu jaqbeż lil Moussa u temm fl-ewwel post, b’ Brimmer itemm fuq il-podju wkoll bit-tielet post. Fil-kategorija femminili, ir-rebbieħa kienet Tara Abdilla l-istess atletà li rebħet l-edizzjoni tas-sena l-oħra. Warajha daħlet Carmen Hili filwaqt li fit-tielet post daħlet Francesca Arrigo.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ Birkirkara St Joseph, Euchar Camilleri qal li din is-sena hija speċjali ħafna għall-Klabb għaliex hija l-45 sena minn meta twaqqaf u fiż-żmien li ġej se jkunu qed isiru attivitajiet biex jiġi ċċelebrat dan l-anniversarju. It-tellieqa li jmiss se ssir nhar it-Tlieta fis-7.00pm , bl-atleti li jixtiequ jirreġistraw jistgħu jagħmlu dan sat-Tnejn mhux aktar tard mis-6.30pm.
//= $special ?>