Rapport li kien ilu mistenni mill-Intelligence and Security Committee (ISC) tar-Renju Unit sostna li l-influwenza tar-Russja f’dan il-pajjiż trid titqies bħala parti minn normalità ġdida — fost sejħa ċara għal ‘azzjoni immedjata’ li tgħin trażżan it-theddida minn Moska.
Ir-rapport ikompli li l-Gvern Britanniku għadu mhux f’pożizzjoni li jista’ jilqa’ b’mod assolut għall-‘indħil mir-Russja fl-elezzjonijiet lokali (fir-Renju Unit) – bil-kumitat iżid li l-Gvern Britanniku kien ‘evita li jindaga bir-reqqa dwar l-aġir tar-Russi waqt ir-referendum dwar l-isħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea’.
Skont dan il-kumitat ma kien hemm l-ebda raġuni biex il-pubblikazzjoni tar-rapport jinżamm lura għal daqshekk żmien. Dan meta l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku f’Downing Street (Londra) dejjem ċaħad li kellu l-ħsieb speċifiku li jżomm ir-rapport mistur qabel l-elezzjonijiet ġenerali ta’ Diċembru fir-Renju Unit.
L-inkjesta tal-ISC tkopri numru ta’ suġġetti, fosthom kampanji ta’ diżinformazzjoni, tattiċi relatati għas-settur ċibernetiku u r-rwol tal-espatrijati Russi fir-Renju Unit. Dan fost messaġġ ċar li r-Renju Unit sar ‘mira ewlenija’ għar-Russja. Fl-istess ħin, ħafna dettalji ‘mill-aktar sensittivi’ ta’ dan ir-rapport mhumiex se jkunu pubblikati minħabba l-inkwiet li r-Russja kapaċi tuża l-materjal inkwistjoni biex thedded lir-Renju Unit.
Ir-rapport, madankollu, jagħmilha ċara li r-Renju Unit spiċċa mira għal kampanji ta’ diżinformazzjoni rigward l-elezzjonijiet fi ħdanu u li l-ebda organizzazzjoni lokali ma ħadet inizijattiva biex tindirizza l-kampanji.
Wieħed mill-membri tal-kumitat, Stewart Hosie, qal, fost oħrajn, li ‘ħadd ma kien jaf jekk ir-Russja pruvatx tindaħal fir-referendum tal-2016 dwar l-isħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea,proprju għaliex ħadd ma ried isir jaf’.
Hawnhekk inġibed paragun mal-mod kif l-Amerikani kienu wieġbu għall-allegazzjonijiet dwar l-indħil tar-Russja fl-elezzjoni presidenzjali tal-2016 fl-Istati Uniti.
Intant, il-kumitat insista li dak iż-żmien kellha ssir evalwazzjoni dwar l-indħil tar-Russja fir-referendum tal-UE għall-Britanniċi u li din l-evalwazzjoni ‘imissha ssir anki llum’ – bil-pubbliku jkun infurmat dwar ir-riżultati tagħha.
Ir-rapport, fl-istess ħin, irrefera għal ‘kummentarju min sorsi kredibbli’ li jissuġġerixxi li r-Russi kienu anki pruvaw jinfluwenzaw ir-referendum tal-2014 għall-indipendenza tal-Iskozja mill-kumplament tar-Renju Unit u li kien spiċċa f’disfatta għall-moviment tas-separatisti Skoċċiżi.
//= $special ?>