Żewġ żgħażagħ ġew arrestati b’rabta ma’ serqa li wettqu t-Tnejn fil-White Rocks, fejn saħansitra użaw pistola. B’wieħed mill-vittmi, permezz ta’ post fuq Facebook, jirrakonta dak li għaddew minnu u jgħid illi wieħed mill-ħallelin ipponta l-pistola lejhom u heddidhom.
Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li wieħed għandu 18-il sena u residenti Raħal Ġdid u l-ieħor għandu 23 sena u residenti Ħal Tarxien. Kien spjegat li huma kienu arrestati ftit ħin biss wara li seħħet is-serqa mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, f’ħidma konġunta mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u l-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.
L-ewwel rapport ta’ dan l-avveniment sar fit3.20pm, dan hekk kif il-Pulizija kienu infurmati li fl-inħawi tat-Torri tal-Madliena, fil-limiti ta’ Pembroke, erbat irġiel sfaw misruqa minn żewġ persuni, wieħed minnhom armat b’pistola.
Ġie spejagt li l-vittmi, żewġ Maltin ta’ 46 sena residenti l-Ħamrun u ieħor ta’ 64 sena residenti Tas-Sliema u Taljan ta’ 61 sena residenti l-Ħamrun, spjegaw li waqt li kienu qegħdin jgħumu, żewġ persuni b’wiċċhom mgħotti resqu lejhom u talbuhom il-flus. Kien spjegat kif ħin minnhom, wieħed miż-żgħażagħ ħareġ pistola u ppuntaha lejn ras wieħed mill-irġiel. Ftit wara, iż-żagħżugħ l-ieħor qabad basket ta’ wieħed mill-vittmi u ħarbu lejn Baħar iċ-Ċagħaq.
Il-Pulizija bdiet it-tfittxijiet tagħha bid-deskrizzjoni taż-żewġ persuni f’idejha. Infatti kien għall-ħabta tal-5.30pm, waqt li l-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali kienu qegħdin iduru l-akwati tal-boathouses f’Baħar iċ-Ċagħaq li innutaw karozza b’żewġ żgħażagħ ġo fiha u li qajmu suspett, hekk kif kienu jaqblu mad-deskrizzjoni tal-persuni mfittxija. Malli l-Pulizija għamlulhom is-sinjal biex jieqfu, huma ħarbu jsuqu b’veloċità sakemm ġew iċċirkondati. Huma ppruvaw jaħarbu bil-ġiri, iżda nżammu mill-ewwel u ġew arrestati.
L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.


