Raġel ta’ 48 sena minn tas-Sliema u residenti s-Swieqi ġie kundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wara li nstab ħati li fl-10 ta’ April ta’ 11-il sena ilu kellu fil-pussess tiegħu l-pjanta kannabis u d-droga eroina.
Huwa ammetta l-akkużi fejn mill-provi rriżulta li fl-10 ta’ April 2009, il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan kienet infurmata li kien hemm persuna f’residenza fis-Swieqi, li sostniet li kienet se tikkommetti suwiċidju.
Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u hemmhekk sabuh fi stat aġitat u aggressiv. Ma kienx faċli biex jiġi kontrollat sakemm finalment il-Pulizija rnexxilhom jimmanettjawh.
Saret tfittxija fl-istess residenza u nstabu erba’ pjanti tal-kannabis, kif ukoll xi sustanzi oħrajn u oġġetti relatati mal-użu tad-droga. Mill-provi rriżulta wkoll li fil-ħin li beda joffri reżistenza ma ried lil ħadd madwaru, lanqas lil missieru, li kien preżenti fuq il-post. Tant kienet eċċessiva r-reżistenza saħansitra beda jgħajjar lill-pulizija, jobżqilhom u jagħtihom bis-sieq.
Waqt li kienu fil-post il-Pulizija lemħu dawl ikħal ħiereġ minn armarju u fih sabu erba’ pjanti tal-kannabis u fil-post instabu wkoll siringi użati. X’ħin waslu fuq il-post il-Pulizija kienu rawh jitkellem fuq it-telephone.
Kien qiegħed jitkellem pastaż u jidgħi u ma kienx liebes xieraq. Hu ma riedx jilbes, minkejja li ġie mitlub jagħmel dan diversi drabi. F’ħin minnhom ukoll mar fil-kċina, fetaħ kexxun li fih kien hemm is-skieken u kien dak il- ħin li żammewh u mmanettjawh.
Wara ħaduh fil-kamra tas-sodda sabiex iġib l-ħwejjeġ. X’ħin fetħu l-gwardarobba l-Pulizija sabu erba’ qsari li kien fihom il-pjanti tal-kannabis. Fuq is-sodda kien hemm ukoll injama f’forma ta’ werqa, b’xi raża fuqha u nstabu wkoll loqom ta’ sigaretti.
Fil-kċina nstabu xi siringi, fil-kamra tal-banju instabu fertiliser u żewġ xkejjer kbar bi trab abjad fihom. Fil-kċina kien hemm madwar erba’ bottijiet sustanza tal-pjanti u fil-bitħa interna kien hemm sustanza li tintuża għat-tkabbir tal-pjanti.
Arthur Debattista, Scene of the Crime Officer ikkonferma li mill-kamra tas-sodda l-kbira ġiet elevati qasrija b’xitla twila 85ċm minn u li tiżen 90.2 gramma. Instabet oħra b’xitla twila 65ċm u li tiżen 41.6 gramma, u żewġ qsari oħra, waħda b’xitla twila 59ċm li tiżen 85 gramma u oħra li kellha l-istess tul u li tiżen 78.4 gramma.
Fuq il-komodina fl-istess kamra tas-sodda, ġew elevati wkoll kontenitur bil-weraq niexef, mgħarfa b’biċċa tajjara u tiċpis ta’ lewn sewdieni, ashtray kontenenti diversi loqom u loqom oħra li kienu mxerrdin fuq il-komodina, bott tal-ħġieġ trasparenti kontenenti fi kristalli bojod, bott tal-Optrex, u borża tal-plastik trasparenti li kien fiha kristalli bojod, siringa użata, biċċa foil, pakkett tas-siringi vojta u mgħarfa b’biċċa tajjara, kif ukoll tiċpis ta’ lewn sewdieni.
Minn fuq is-sodda, ġew elevati injama forma ta’ werqa bi frak ta’ weraq niexef fuqha u loqma ta’ sigarett u biċċa sustanza ta’ lewn kannella. Ġew elevati wkoll siringa użata minn fuq xkaffa tal-kompjuter, weraq niexef mill-kexxun ta’ gradenza ġewwa li ‘spare bedroom’ u siringa użata minn fuq il-ħoġor tal-kamra tal-banju.
Mir-relazzjoni tal-espert Mario Scerri, jirriżulta li l-imputat kien ta’ perikolu għalih inniffsu, iżda mhux għal terzi persuni, illi kien jidher ‘psychotic’ u għalhekk huwa ċċertifikah b’emerġenza biex jiddaħħal l-isptar Monte Karmeli.
Rappreżentant tal-Aġenzija Sedqa, qal li kien iltaqa’ mal-imputat madwar 20 sena qabel meta huwa talab l-għajnuna minħabba problema ta’ alkoħol. Qal li kellu problema serjissima.
Tul is-snin għamel diversi tentattivi sabiex joħroġ minn din il-problema, iżda ma kienx qiegħed jirnexxilu. Huwa ngħata counselling, attenda diversi programmi residenzjali u kien ukoll jattendi għal xi sessjonijiet. Ingħad li għalkemm il-problema prinċipali kienet marbuta mal-alkoħol, fl-istess waqt l-imputat kien ukoll jagħmel użu minn sustanzi oħrajn.
Ir-rappreżentant tas-Sedqa qal ukoll li l-imputat kien ilu madwar erba’ snin illi qata’ l-kuntatt mal-Aġenzija Sedqa u għamel kuntatt biss minħabba dan il-każ. Sarulu żewġ testijiet, wieħed minnhom ftit jiem qabel din ix-xhieda, liema testijiet irriżultaw fin-negattiv għal sustanzi lleċiti.
Irriżulta li minkejja li qabel irrilaxxja l-ewwel stqarrija, huwa kien ingħata parir mingħand l-avukat tiegħu li f’dak l-istadju ma jgħid xejn lill-Pulizija, huwa xorta waħda rrisponda għad-domandi waqt l-interrogatorju li sarlu, bir-riżultat li stqarr fatti li kienu inkriminanti għalih, fejn ammetta li kien jixtri d-droga. Id-difiża qalet li peress li fis-sakra l-istqarrija ma għamilhiex “volontarjament”.
Il-Qorti qalet li huwa ġie akkużat biss bil-pussess ‘sempliċi’ u mhux bir-reat ta’ pussess aggravat tal-istess. Il-Qorti qalet ukoll li qegħda tqis ukoll illi din il-kawża tmur lura għas-sena 2009.
Għalkemm f’diversi seduti ma sar xejn fuq talba tad-difiża għal differiment jew anke minħabba li l-imputat ma deherx minkejja li kien notifikat, huwa minnu wkoll illi diversi differiment intalbu mill-Prosekuzzjoni, b’tali mod illi l-Prosekuzzjoni għalqet il-provi tagħha fi Frar 2016.
F’dan il-każ, il-Qorti jidhrilha illi piena ta’ priġunerija effettiva ma tkunx idonea. Madankollu, peress li l-piż tad-droga ma kienx wieħed żgħir, tqis illi tkun xierqa piena ta’ priġunerija sospiża, flimkien ma’ Ordni ta’ Superviżjoni, u dan fid-dawl tad-diffikultajiet tal-imputat.
Huwa ġie mmultat ukoll €750 u tpoġġa taħt Ordni ta’ Superviżjoni għal żmien sentejn. Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga u tal-affarijiet relatati mad-droga misjuba.
//= $special ?>