Il-President Amerikan, Donald Trump, hedded li jibgħat aktar uffiċjali federali għall-infurzar tal-liġi lejn numru ta’ bliet ewlenin tal-Istati Uniti — bil-għan li l-uffiċjali jikkontrollaw sensiela ta’ protesti attwali fl-inħawi speċifiċi.
Intant, Trump ikkritika numru ta’ bliet – fosthom Chicago u New York — li qed jitmexxew minn ‘liberali Demokratiċi’ waqt li qal li l-mexxejja lokali qegħdin jibżgħu milli jieħdu azzjoni f’waqtha. Mill-banda l-oħra, hu faħħar lill-uffiċjali fl-Istat ta’ Oregon u qal li huma wettqu biċċa xogħol tajba ħafna biex jirristawraw l-ordni, fost jiem ta’ protesti fil-belt ta’ Portland.
Trump qed jippreżenta ruħu bħala ‘simbolu għaż-żamma tal-ordni’ wara ġimgħat ta’ protesti vjolenti li segwew il-każ tar-raġel Afrikan-Amerikan, George Floyd, li nqatel waqt li kien qed jinżamm arrestat mill-pulizija f’Minneapolis, fl-Istat ta’ Minnesota.
Madankollu, id-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni akkużaw lill-President Repubblikan – li ma jidhirx li sejjer tajjeb fl-istħarriġ popolari – b’li qed jipprova jippreżenta ruħu bħala mexxej sod bil-għan li jqawwi l-moral tal- konservattivi li jappoġġjawh. Dan meta Trump qed iħejji biex jikkuntesta għal tieni mandat fl-elezzjoni presidenzjali ta’ Novembru, fl-Istati Uniti.
//= $special ?>