Żewġ żgħażagħ, wieħed ta’ 18-il sena residenti Raħal Ġdid u ieħor ta’ 23 sena residenti Ħal Tarxien, jinsabu fil-kustodja tal-Pulizija wara li kienu arrestati b’rabta ma’ serqa li allegatament wettqu l-bieraħ wara nofsinhar f’Pembroke.
Huma kienu arrestati ftit ħin biss wara li seħħet is-serqa mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, f’ħidma konġunta mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett ta’ San Ġiljan.
Ilbieraħ, għall-ħabta tat-3.20pm., il-Pulizija ġew infurmati li
fl-inħawi tat-Torri tal-Madliena, fil-limiti ta’ Pembroke, tliet irġiel sfaw misruqa minn żewġ persuni, wieħed minnhom armat b’pistola.
Fuq il-post marru minnufih il-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett ta’ San Ġiljan.
Hemmhekk sabu l-vittmi – żewġ Maltin ta’ 46 sena residenti l-Ħamrun u ieħor ta’ 64 sena residenti Tas-Sliema u Taljan ta’ 61 sena residenti l-Ħamrun – li spjegaw li waqt li kienu qegħdin jgħumu, żewġ persuni b’wiċċhom mgħotti resqu lejhom u talbuhom il-flus.
Ħin minnhom, wieħed miż-żgħażagħ ħareġ pistola u ppuntaha lejn ras
wieħed mill-irġiel. Ftit wara, iż-żagħżugħ l-ieħor qabad basket ta’ wieħed mill-vittmi u ħarbu lejn Baħar iċ-Ċagħaq.
Bid-deskrizzjoni taż-żewġ persuni f’idejn il-Pulizija, bdiet tfittxija fl-akwati. Din it-tfittxija ħalliet il-frott hekk kif għall-ħabta tal-5.30pm., waqt li l-Pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali kienu qegħdin iduru l-akwati tal-boathouses f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Hemmhekk innutaw vettura tal-għamla BMW b’żewġ żgħażagħ ġo fiha u li qajmu suspett, hekk kif kienu jaqblu mad-deskrizzjoni tal-persuni mfittxija. Malli l-Pulizija għamlulhom is-sinjal biex jieqfu, huma ħarbu jsuqu b’veloċità sakemm ġew iċċirkondati.
Huma ppruvaw jaħarbu bil-ġiri, iżda inżammu millewwel u ġew arrestati.
L-Assistent Kummissarju responsabbli mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, Sandro Gatt qal li “l-arrest ta’ dawn iż-żewġ persuni ftit ħin biss wara li bdejna ninvestigaw turi mhux biss il-ħidma f’waqtha bejn diversi taqsimiet tal-Pulizija, imma ukoll grazzi għad-deskrizzjoni tajba li ngħatajna tal-allegati agressuri.
L-investigazzjonijiet wasslu wkoll biex minn tfittxija li saret, wara waħda mill-boathouses f’Baħar iċ-Ċagħaq minn fejn ġew arrestati ż-żewġ persuni,
instabet l-arma li allegatament intużat kif ukoll il-ħwejjeġ li kellhom l-agressuri biex jgħattu wiċċhom.
Dawn iż-żewġ persuni li allegatament wettqu s-serqa issa jinsabu fil-kustodja talPulizija għal aktar stħarriġ.” Il-Pulizija tixtieq tirringrazzja lill-pubbliku tal-koperazzjoni li wriet. L-investigazzjonijiet dwar dan
il-każ għadhom għaddejjin.