Lokali

Byron Camilleri għandu jerfa’ r-responsabbilità politika – PN

Fi stqarrija, il-PN qal illi l-aħbar li Melvin Theuma jinsab fil-periklu tal-mewt turi kif l-Istat falla milli jipproteġi l-ħajja tal-iktar xhud importanti fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“L-aħħar żviluppi għal darb’oħra jikkonfermaw kif il-kriminalità ħakmet l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u qegħda tagħmel li trid. Il-Gvern ta’ pajjiżna m’għandux ir-rieda u l-awtorità morali biex jiġġieled il-kriminalità. Minflok il-Gvern qed iħalli lill-kriminalità tgħolli aktar rasha.”

Il-PN insista li quddiem dan kollu l-Ministru Byron Camilleri għandu jerfa’ r-responsabbilità politika u jwarrab.

L-istqarrija ħarġet minn Beppe Fenech Adami, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità, Jason Azzopardi, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja u Karol Aquilina, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku.