Internazzjonali

COVID-19: L-agħar ġurnata għall-infezzjonijiet fl-Awstralja, bil-kriżi għadha tirranka fl-Istati Uniti u l-pajjiżi Latini

Filwaqt li l-istaġun tas-sajf qed jirranka sew fost il-kriżi tal-pandemija ġdida, l-esperti tas-saħħa madwar id-dinja qegħdin iħeġġu għall-kawtela, fost twissija ġenerali li l-Covid-19 għadu magħna minkejja t-tnaqqis fil-kundizzjonijiet tal-lockdown u s-sens tal-ottimiżmu li ‘l-agħar seta’ għadda.’

Fil-fatt, diversi pajjiżi qed ikomplu jirrappurtaw żidiet sinifikanti ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus, bl-Awstralja tikkonferma l-agħar ġurnata ta’ każi, b’il fuq minn 500 infezzjoni għal ġurnata waħda.

Ir-rapporti qalu li l-maġġoranza assoluta ta’ dawn l-infezzjonijiet feġġew fil-belt ta’ Melbourne u meta r-rekord preċedenti għal din il-belt kien ta’ 469 każ.

Il-belt ta’ Melbourne tinsab fl-Istat ta’ Victoria li hu l-epiċentru tal-pandemija attwali fl-Awstralja. Intant, il-Prim Ministru tal-Istat ta’ Victoria, Daniel Andrews, issa żvela li aktar min-nofs in-nies li testjaw pożittiv għall-virus bejn is-7 u l-21 ta’ Lulju kienu naqsu milli jiżolaw lilhom infushom.

Fl-istess ħin, il-Kap tal-Pan American Health Organization (PAHO) qalet l-firxa tal-coronavirus mhix tidher li qed tbatti fl-Istati Latini Amerikani.

Id-Direttur tal-PAHO, Carissa Etienne qalet li l-livelli attwali tal-Covid-19 anki kixfu xenarju fejn tlieta minn fost kull għaxar persuni f’dan il-kontinent qed jissugraw il-kumplikazzjonijiet mill-marda — bil-Covid-19 qed tkompli tinfirex qalb pajjiżi bħall-Bolivja, l-Ekwador, il-Kolombja u l-Peru.

Il-kriżi tal-Covid-19 baqgħet tirranka wkoll fl-Istati Uniti, bil-President Amerikan Donald Trump, issa, jammetti li l-pandemija mistennija taqleb għall-agħar f’pajjiżu. Il-President anki qed iħeġġeġ lill-poplu Amerikan biex jilbes il-maskri tal-wiċċ meta l-pandemija x’aktarx li tirranka fil-jiem u ġimgħat li jmiss, qabel l-Amerikani jkunu jistgħu jaraw xi titjib fis-sitwazzjoni.

Fl-istess ħin, kompliet il-kritika għall-mod kif il-President irreaġġixxa għall-virus fl-ewwel xhur kruċjali tal-kriżi — b’Nancy Pelosi, membru ewlieni tal-Partit Demkratiku u li sservi bħala l-iSpeaker tal-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti, issa, qed tirreferi għall-coronavirus bħala ‘il-marda ta’ Donald Trump.’

Il-kontinent tal-Afrika, intant, qed ikompli jġarrab l-impatt tal-Covid-19, bl-istatistika tat-turiżmu tieħu daqqa ‘l isfel sew għal dan ir-reġjun minkejja li xi pajjiżi Afrikani reġgħu fetħu għat-titjiriet internazzjonali.

Dan fost id-dilemma dwar jekk il-ftuħ ta’ dawn il-pajjiżi għat-turiżmu minn barra jistax jixpruna l-infezzjonijiet ġodda u meta, mill-banda l-oħra, l-għeluq sfurzat u fit-tul tal-istess pajjiżi kapaċi jfisser telf tal-għajxien għall-mijiet tal-eluf tal-Afrikani.

Skont l-aħħar rapporti hemm ikkonfermati mal-15-il miljun każ tal-Covid-19 madwar id-dinja li, s’issa, rriżultaw f’aktar minn 600,000 mewta.

Dan meta l-esperti tas-saħħa fir-Renju Unit infurmaw lill-politiċi li l-virus tas-Sars-Covid-19 għandu jibqa’ magħna anki għal għexieren ta’ snin oħra. L-istess esperti, fl-istess ħin, qalu li mhux probabbli li ‘vaċċin ġdid u effettiv se jkun kapaċi jelimina lil dan il-virus għal dejjem’.