L-Uffiċjali tas-Saħħa fil-Belġju wissew li l-pajjiż għaddej minn tieni mewġa ta’ każi tal-coronavirus ġdid. Il-kunsill tas-sigurtà nazzjonali (tal-Belġju) għandu jiltaqa’ dalwaqt biex jiddiskuti t-tnaqqis tal-miżuri għal-lockdown u jekk it-tnaqqis għandux ikun implimentat fiċ-ċirkustanzi.
B’hekk mhux eskluż li l-awtoritajiet jipposponu ‘din il-fażi’ tat-tnaqqis ta’ miżuri fil-pajjiż, fejn in-numru tar-riproduzzjoni tal-virus hu stabbilit mal-1.1.
Il-kelliema qalu li ‘mhux tard wisq biex il-programm jinbidel’ waqt li għarrfu l-ħtieġa li jieħdu azzjoni mill-aktar fis. Il-medja tal-każi tal-coronavirus fil-Belġju għal kull ġurnata bejn it-12 u t-18 ta’ Lulju kienet ta’ 184, li jfisser qabża ta’ 89 fil-mija (fil-medja) meta mqabbla mal-ġimgħa bejn il-5 u l-11 ta’ Lulju.
Id-Dipartiment tal-Ġustizzja fl-Istati Uniti akkuża liċ-Ċina b’li qed tisponsorja l-hackers biex ‘jikkonċentraw’ fuq laboratorji li qed jiżviluppaw vaċċin għal kontra l-Covid-19. Il-Prosekuturi Amerikani rreferew għal żewġ irġiel Ċiniżi li spjunaw fuq kumpanija tal-biotech f’Massachusetts u li wettqu azzjoni ta’ hacking għal kumpanija f’Maryland li qed tirriċerka din il-marda ġdida.
It-territorju ta’ Hong Kong irrapporta l-ogħla total ta’ infezzjonijiet għal jum wieħed, b’113-il każi ġodda – u li 105 minnhom kienu trasmissjonijiet lokali.
Fl-Ingilterra, il-Kap tal-Pulizija Metropolitana esprimiet tama li n-nies ‘jagħżlu li jirrispettaw il-liġijiet ġodda’ li jirrikjedu biex huma jilbsu l-maskri tal-wiċċ ġewwa l-ħwienet. Il-Kummissarju, Cressida Dick, qalet li l-pulizija għandhom jintervjenu bħala ‘l-aħħar tentattiv’ f’każ li x-xerrejja li ma jkollhomx maskra jirrifjutaw li jitilqu mill-istabbilimenti u fejn huma jistgħu juru aġir ‘aggressiv’ ladarba jkunu konfrontati.
Il-Gvern tal-Irlanda naqqas ir-regoli tal-kwarantina għal waqt l-ivvjaġġar ‘lejn u minn’ ħmistax-il pajjiż Ewropew, iżda xorta qed iwissi li ‘l-aħjar miżura ta’ sigurtà hu li wieħed ma jivvjaġġax fiċ-ċirkustanzi’. Il-‘Lista l-Ħadra’ f’dan il-każ tinkludi fost oħrajn lil Malta, il-Finlandja, in-Norveġja, il-Greċja, Ċipru, l-Italja, l-Ungerija, is-Slovakkja, u r-Repubbliċi Baltiċi.
//= $special ?>