“Jiena dħalt fil-politika sabiex b’ħidmieti niprova nħalli Malta aħjar milli sibtha.”
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’intervista waqt programm soċjo-reliġjuz fuq Xejk TV fejn insista li huwa jinsab fil-politika sabiex uliedna ma jerġgħux jgħixu s-snin tmenin, snin meta hu wkoll kien għadu adolexxenti.
Adrian Delia saħaq li jinsab konvint li minkejja t-taqlib li l-Partit Nazzjonalista preżentament għaddej minnu, hawn ħafna nies li qed jistennew il-mument tagħhom, l-opportunità, sabiex jikkontribwixxu fir-rikostruzzjoni tal-partit. Il-Kap tal-PN sostna li huwa essenzjali mhux biss li l-Partit Nazzjonalista jkun b’saħħtu, iżda li pajjiżna jkollu Oppożizzjoni soda sabiex tissielet għall-ġustizzja u l-verità.
Għaldaqstant Adrian Delia insista li minkejja dan iż-żmien diffiċli, huwa jinsab mimli enerġija sabiex jibqa’ jitħabat b’konvinzzjoni għat-twemmin u l-viżjoni li għandu għall-PN. Huwa saħaq li jinsab konxju li preżentament hawn partitarji Nazzjonalisti li jinsabu mweġġa’ jew konfużi iżda jinsab kunfidenti li din il-problema ser tkun qed tissolva.
Mistoqsi dwar il-pakkett li kisbet Malta mill-Unjoni Ewropea għas-7 snin li ġejjin, Adrian Delia saħaq li fattwalment il-pakkett li pajjiżna ħa huwa prattikament l-istess għal dak li kiseb Partit Nazzjonalista fil-Gvern 7 snin ilu. Dan l-għaliex huwa spjega li minn ftit aktar minn €2 biljun ewro – pajjiżna jrid iħallas lura biljun minnhom, filwaqt li madwar €350miljun m’humiex kompletament tal-Maltin iżda tal-EASO, jiġifieri rridu naqsmuhom ma’ pajjiżi oħra fosthom l-Italja u l-Greċja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li pajjiżna jeħtieġlu pjan ekonomiku fit-tul kemm fl-industrija tat-turiżmu, kif ukoll fil-qasam tas-saħħa u dak edukattiv. Adrian Delia insista li l-ekonomija tal-pajjiż ma tistax tinbena fuq l-immoralità, fejn konsegwenza ta’ hekk isofri ċ-ċittadin Malti.
Rigward l-immigrazzjoni, Adrian Delia bl-aktar mod ċar saħaq li pajjiżna għandu jsalva lill-persuni li jkunu jinsabu fil-periklu bejn sema u ilma, iżda ammetta li Malta ma tiflaħx tospita aktar immigranti illegali u għaldaqstant l-Unjoni Ewropea trid tgħin kemm lil Malta kif ukoll, b’mod kollettiv, ninvestu sabiex ngħinu lill-pajjiżi Afrikani.
Adrian Delia saħaq li jixtieq jibqa’ jiġi mfakkar bħala politiku li dejjem ħadem favur sabiex jissaħħaħ iċ-ċittadin iż-żgħir u l-bniedem li rnexxielu jirritorna l-Partit Nazzjonalista għan-nies fejn b’konvinzjoni dejjem ħadem għall-ġid komuni.