Lokali

Gafà jinsisti li Theuma weġġa’ lilu nnifsu

“Minkejja ċ-ċirkustanzi, Melvin Theuma ammetta mal-Ispettur Keith Arnaud li wettaq attentat ta’ suwiċidju fuqu nnifsu malli wasal fuq il-post”.

Dan saħqu l-Kummissarju tal-Pulizija f’konferenza tal-Aħbarijiet wara li tard it-Tlieta filgħaxija x-xhieda ewlenija fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei bi ġrieħi serji.

Angelo Gafà rrakkonta kif il-Pulizija sabet lil Melvin Theuma fil-kamra tas-sodda b’sikkina f’idu il-leminija bi ġrieħi serji f’għonqu u multiple wounds taħt il-kustilji tal-lemin, waħda fonda, u bi ġrieħi fil-polz tax-xellug.

Kienet l-avukata ta’ Theuma, Kathleen Grima li għamlet kuntatt mal-Ispettur Keith Arnaud. Huwa għamel kuntatt mal-Pulizija li kienu għassa miegħu – għandu. Kull fejn imur kienu jkunu miegħu – dawn fil-fatt malli daħlu ġewwa sabuh fl-istat li sabuh.

Il-Pulizija daħlu akkumpanjati mill-partner ta’ Theuma, ibnu u omm il-partner. Ħarġu fis-7.30 ta’ filgħaxija, li huwa normali. Hija rrakkontant li Melvin Theuma talabha li jrid jorqod. Kien waħdu d-dar u l-pulizija ma sabu l-ebda taqlib.

Ftit qabel Theuma kien jinsab għand l-avukat tiegħu, bl-avukat tiprova tagħmel kuntatt miegħu sabiex tagħmillu kuraġġ għax-xhieda fil-qorti li kellu jagħmel l-Erbgħa filgħodu.

Il-Kummissarju Angelo Gafà stqarr li ma hemm l-ebda kameras tas-sigurtà mal-blokka.

Il-Kummissarju sostna li l-investigazzjonijiet huma għaddejjin bl-uffiċjali jelevaw żewġ mowbajls – wieħed ta’ Theuma u l-ieħor tal-partner tiegħu.

Huwa saħaq li l-Pulizija qed tinvestiga kull possibilità – b’Gafà jgħid li l-Pulizija provdew kull pass ta’ sigurtà possibbli għax-xhieda ewlieni li ingħata proklama … mill-bieb ‘il barra.

B’rabta mal-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista – il-Kummissarju Angelo Gafà ikkonferma li r-recordings li b’xi mod jew ieħor ma setgħux jinstabu fil-jiem li għaddew – dawn instabu. Huwa spjega li dawn il-clips mhux inħbew iżda kellhom problema bil-formatting.

Meta mistoqsi dwar Vince Muscat ‘il-Koħħu’ – jekk hux qed jingħata osservazzjoni mill-qrib għas-sigurtà tiegħu, Angelo Gafà insista li dik tinsab fil-kompitu tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Huwa insista wkoll li sa fejn jaf il-Korp – Theuma qatt ma rċieva theddid fuq ħajtu, u sostna li l-privatezza tal-persuna kienet essenzjali…b’hekk tħalla waħdu d-dar.