Coronavirus Lokali Saħħa

Il-Gvern jibqa’ jirrifjuta li jippubblika r-Risk Assessment reports

Fl-1 ta’ Ġunju, il-Prim Ministru sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex ħabbar li pajjiżna kien rebaħ fuq il-pandemija, u saħaq li għalhekk pajjiżna seta’ jmur lura għan-normalità.

Dakinhar Robert Abela kien ħabbar ir-rilaxx ta’ diversi restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija. Il-Prim Ministru qal li dan seta’ jsir wara li saru r-Risk Assessments meħtieġa.

Minn dakinhar il-Gvern intalab diversi drabi jippubblika r-Risk Assessment Reports li tkellem dwarhom Robert Abela.

Ftit sigħat wara dik il-konferenza tal-aħbarijiet, Net News staqsa lill-Prim Ministru għal kopja tar-rapporti, b’Abela jibgħatna għand is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika għal kopja tiegħu.

Net News talab kopja tar-rapporti lis-Suprintendent u anke lill-Ministeru tas-Saħħa, u għamel ukoll talba skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, madankollu din it-talba ġiet irriffjutata. Ir-risposta tal-Gvern tikkwota Parti V u Parti VI tal-istess att, mingħajr ma jkun speċifikat liema minn dawn iż-żewġ partijiet tiġġustifika l-fatt li din it-talba ġiet irriffjutata.

Dan ifisser li l-Gvern għandu l-intenzjoni li jkompli jżomm mistura r-Risk Assessment Reports li permezz tagħhom, ġew irrilaxxati l-miżuri ta’ prevenzjoni b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19.