Lokali Parlament

Il-gvern m’għandux dritt iċaħħad edukazzjoni nisranija lil dawk li jagħżluha b’mod liberu għal uliedhom

Clyde Puli, PN

Il-ġenituri li bħali jibagħtu lil uliedom fi skejjel tal-knisja ikunu għamlu għażla konxja li jridu edukazzjoni nisranija għal uliedhom u l-ebda gvern m’għandu dritt iċaħħadhom minn dan.

Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Clyde Puli meta tkellem fil-parlament dwar il-perikli li qed tippreżenta l-Liġi dwar l-Ugwaljanza ppreżentata mill-gvern u li bħalissa qiegħda fi stadju ta kumitat fil-parlament.

Clyde Puli qal li filwaqt li hu ilu jitkellm dwar il-periklu potenzjali ta’ dawn il-liġijiet sa mill-2016, fl-aħħar ġranet irċieva kwantità kbira ta’ emails mingħand ġenituri li wliedhom jattendu fl-skejjel tal-knisja. Dawn il-ġenituri jinsabu ġeniwnament imħassba b’żewġ abbozzi ta’ liġijiet dawr l-ugwaljanza li se jeffettwaw l-edukazzjoni ta’ uliedhom.

Id-deputat Nazzjonalista qal li hu qed jitkellem fil-parlament biex jagħti vuċi lil dan it-tħassib tal-ġenituri u biex jappoġġja t-talba tagħhom ghal emendi fil-liġi. Huwa iddikjara li jekk il-gvern jibqa’ jirreżisti l-emendi neċessarji għal din il-liġi huwa kien se jivvota kontra.

Clyde Puli stqarr li hu u l-Partit Nazzjonalista dejjem kienu favur l-ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni iżda l-Gvern qed jitfixkel l-ugwaljanza mal-uniformità. Hu qal li l-fatt li kulħadd ikun trattat indaqs ma jfissirx li kulħadd għandu bilfors jkun l-istess għaliex ligi tal-ugwaljanza suppost tipproteġi id-diversità u mhux toħnoqha.

Clyde Puli qal li edukazzjoni nisranija għandha ethos u karattru partikolari li ma jistax jiġi ridott għal-lezzjonijiet tar-reliġjon biss. L-edukazzjoni hija waħda kompluta u għalhekk il-valuri nsara jridu jiġu trasmessi matul il-ġurnata kollha u waqt kull attività tal-iskola.

Dan jgħodd l-istess għall-iskejjel b’ethos differenti sew jekk ikunu reliġjużi jew jekk ikunu eżempju l-iskola tal-isports. Hu qal li kif ħadd ma jimmaġina għalliem tal-Ingliż fl-skola tal-sports jippromovwi ħajja inattiva u l-junk food hekk ħadd m’għandu jistenna li għalliema diversi fi skejjel tal-knisja jippromovwu jew jikkampanjaw kontra l-valuri li l-istess knisja tippromovwi.

Huwa qal li r-ripressjoni ta’ tali valuri tkun biss eżerċizzju kontra l-libertà tal-ħsieb u l-libertà tal-espressjoni u għaldaqstant tkun manuvra awtoritarja u anti demokratika. Hu appella lill-gvern biex jilqa’ l-emendi li għandu quddiemu biex din il-liġi tkun waħda li tagħti l-libertajiet minflok tnaqqarhom.