Ewropa Lokali

Il-politika tal-PN dwar l-Unjoni Ewropea qed tkompli tissarraf f’iktar ġid għall-Maltin

Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon li wara l-aħħar laqgħa maratona fi Brussell, il-membri kollha tal-Unjoni Ewropea waslu għal qbil.

Fi stqarrija ffirmata mid-Deputati Carmelo Mifsud Bonnici, Mario de Marco, Claudio Grech, Kristy Debono, Roselyn Borg Knight u l-membri Parlamentari Ewropej, Roberta Metsola u David Casa, il-PN jesprimi wkoll is-sodisfazzjon li l-politika tiegħu favur is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tista’ tkompli tissarraf f’inizjattivi u proġetti ta’ ġid għall-poplu Malti u Għawdxi.

M’hemmx dubju li huwa mertu li pajjiżna huwa msieħeb fl-Unjoni Ewropea, li l-Gvern Malti se jkun jista’ jagħmel użu mill-fondi li ġew allokati biex Malta u Għawdex jegħlbu l-effettivi negattivi li l-pandemija COVID 19 qed iġġib magħha u mill-budget għas-7 snin li ġejjin.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen li l-fondi Ewropej huma essenzjali biex isiru proġetti u titjieb il-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Għall-ewwel darba l-fondi li ġew allokati huma marbuta wkoll ma’ dak li se jagħmlu l-gvernijiet b’rabta mal-klima u s-saltna tad-dritt. Dan huwa pass ‘il quddiem għat-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea kif ukoll għall-protezzjonii u t-tisħiħ tal-klima li tant għandna bżonn iżda dekk il-Gvern ma jimplimentax inizjattivi li jindirizzaw dawn iż-żewġ oqsma ikun qiegħed jissogra li jitlef il-fondi. 

Il-PN jerġa’ jisħaq li s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea mhix biss waħda finanzjarja imma hi wkoll assoċjazzjoni ma’ valuri fundamentali fosthom il-ġustizzja u s-saltna tad-dritt, u dmirna hu li nkomplu niddefendu dawn il-valuri. Dmirna huwa li nkomplu niddefendu dawn il-valuri wara n-nuqqas ta’ ħarsien tas-saltna tad-dritt min-naħa tal-Gvern. Nappellaw lill-Gvern biex jieħu l-azzjoni meħtieġa u ma jissugrax li jitlef fondi Ewropej. Dan filwaqt li f’diskussjoni wiesgħa jibda jidentifika proġetti u inizjattivi għas-setturi u industriji. Wieħed jrid iżomm ukoll il-kawtela neċessarja sabiex dan kollu ma jiftaħx bieb marbut ma’ forom varji ta’ tassazzjoni diretta jew kontroll tagħha.

In-negozjati għadhom ma ntemmux, u issa jmiss li fil-Parlament Ewropew jittieħed vot finali; votazzjoni li se ssir nhar il-Ħamis li ġej. Fejn il-MPE tal-PN se jkomplu jirsistu biex ikun hemm vot favur kif irsistew fix-xhur li għaddew biex l-Unjoni Ewropea tasal għall-pakkett finanzjarju dwar il-bugdet u biex tgħin b’pakkett finanzjarju ieħor lill-pajjiżi b’għotjiet u self minħabba l-effetti tal-COVID. Din biex jiġu salvati l-impjiegi, jinħolqu impjiegi ġodda, tingħata għajnuna lill-industriji, SMEs u lill-operaturi ekonomiċi.

Dan il-ftehim, temmet tgħid l-istqarrija, ikompli jżid mal-miljuni kbar ta’ fondi li pajjiżna kiseb sa mis-sħubija mill-2004 u bil-fondi li nnegozjaw Gvernijiet Nazzjonalista saru u sal-lum stess qed isiru aktar proġetti kbar u jittieħdu inizjattivi li jagħmlu differenza għall-aħjar fil-ħajja tan-nies.