Minn xhieda mogħtija mill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler fil-Kumitat għall-Istandrds fil-Ħajja Pubblika jirriżulta li l-problema ta’ ksur ta’ etika mill-ex Prim Ministru Joseph Muscat kienet li stieden lil Yorgen Fenech għal party privat u aċċetta r-rigal ta’ fliexken tal-inbid mingħandu.
Fix-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat, il-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler qal li hu warrab kull implikazzoni mal-każ ta’ Yorgen Fenech. Hu sostna li l-istedina ta’ Muscat kienet lil persuna imdaħħal fil-kummerċ u m’għandu x’jaqsam xejn mal-implikazzjoni ta’ rabta mal-korruzzjoni.
Hu staqsa kemm hu sew li Prim Ministru jistieden għal party privat u ristrett persuna li hu mdaħħal sew mal-gvern fil-kummerċ u jaċċetta rigali mingħand dik il-persuna. Dan m’għandu x’jaqsam xejn mal-fatt li dan il-persuna jista’ jkun indagat fuq korruzzjoni jew hu mdaħħal f’każi oħra.
Hu qal li waħda mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu hi li jagħmel linji gwida minħabba li r-regoli preżenti mhueix daqshekk komprensivi. Hu qal li kien se jagħmel rapport bi proposti. Minħabba dak li għadda minnu l-pajjiż, jeħtieġ li jkun hemm standards ogħlja għall-politiċi. Dwar dan għandu jsir sforz kollettiv.
George Hyzler qal li l-valur tal-fliexken tal-inbid hu rilevanti. Ma kellix dubju li r-rigal kien intiż biex ikun personali u kien ta ‘ valur partikolarment ogħli. Hu sekondarju li Muscat iddeċieda li jħalli r-rigal għall-Istat; il-fatt li aċċettat biss ukoll għandu sinifikat. Il-valur tar-rigal kien marbut mal-persuna u mhux mal-Istat, sostna Hyzler.
Hu qal li ma kienx tkellem ma’ Yorgen Fenech dwar dan ir-rigal jew ma xi persuni oħra. Dwar il-fatt li l-party sar fir-residenza privata uffiċjali tal-Pim Ministru, George Hyzler qal li l-problema nħolqot fil-mument li Yorgen Fenech kien mistieden u nżamm ir-rigal li hu ta lil Joseph Muscat.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia għamel osservazzjoni li Joseph Muscat qal li ma kellux għażla għaliex kellu parir mis-Servizz ta’ Sigurtà li qalulu li hu ma kellu jiddisturba xejn u li jaġixxi b’responsabbiltà minħabba l-investigazzjonijiet fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Hu kompla li ma kellux għażla li jgħid lil Yorgen Fenech biex ma jmurx għall-party iżda jrid ikun ikkunsidrat li kull persuna li tmur party tieħu rigal magħha. Hu staqsa sa fejn jista’ jkun aċċettat rigal, kompla li llum Muscat hu deputat u staqsa x’jista’ jsir iktar minn hekk.
George Hyzler qal li min jirċievi r-rigali, fosthom fliexken tal-inbid, jaħseb li huma għalih. Hu nsista ligħandu jkun hemm reġistru ta’ trasparenza għaliex ħadd m’għandu għalxiex jaħseb li xi ħadd tah xi ħaġa. Jekk din ma tkunx ħażina allura m’hemmx għalxiex ikun hemm ħabi, sostna l-Kummissarju Hyzler, li qal li hu kkunsidra wkoll jekk il-politiku għandux jistieden nies u jpoġġiehom f’din il-pożizzjoni.
Il-Kummissarju Hyzler qal li hu se jipproponi li għal dawn l-attivitajiet ma jistiednux persuni partikolari jekk dawn ma jkunux ħbieb tal-qalb li jkunu ilhom jafu lil xulxin is-snin.
Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-Kumitat għandu jisma’ lill- ex Prim Ministru Joseph Muscat biex jispjega l-pożizzjoni tiegħu skont id-drittijiet li għandu. Hu qal li l-liġi titkellem fuq sanzjonijiet iżda qal dawn isiru l-persuna involuta jrid jingħata l-opportunità li jipsjega l-pożizzjoni tiegħu.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-Kumitat ma jistax isejjaħ lill-ex Prim Ministru Muscat għaliex dan diġà ta d-dikjarazzjoni tiegħu u l-Kummissarju qal li din hi suffiċjenti. Hu qal li l-oġġett tal-ksur ta’ etika illum jinsab għand l-Istat; il-proċess jista’ jingħalaq b’mod matur miż-żewġ naħat.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li dan il-Kumitat għandu jaddotta r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards.
L-Ispeaker qal li r-regoli huma li l-ex Prim Ministru Muscat mhux bilfors jiġi fil-kumitat iżda jista’ jibgħat is-sottomissjonijiet tiegħu. Il-Ministru Camilleri qal li jekk Joseph Muscat ikun miġjub quddiem il-kumitat isiru diversi mistoqsijiet meta dak ix-xogħol diġà għamlu l-Kummissarju tal-Istandards.
L-Ispeaker qal li għandha ssir traskrizzjoni tax-xhieda tal-Kummissarju għall-Istandards u tittieħed deċiżjoni. Il-Kumitat qabel li r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards ikun adottat u deċiżjoni ttieħed wara li Joseph Muscat jiddikjara jekk hux se jidher quddiem il-kumitat.
//= $special ?>