Coronavirus Ekonomija Lokali Turiżmu

L-Aġenti fl-ivvjaġġar fost l-agħar li ntlaqtu mill-pandemija

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ressqet numru ta’ proposti sabiex l-industrija tibqa’ fuq saqajha u jkunu salvagwardjati d-drittijiet tal-konsumatur fi sfond ta’ pandemija li ħalliet ħerba fis-settur tal-ivjaġġar.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-SME’s saħqet li d-Direttiva Ewropea dwar il-vjaġġi organizzati tipprovdi li l-konsumaturi jingħataw il-flus lura mill-operaturi fi żmien 14-il jum minn meta jitħassar il-vjaġġ. Madanakollu, id-direttiva ma antiċipatx sitwazzjoni ta’ kanċellar tal-massa f’diversi pajjiżi f’daqqa.

Il-Kamra spjegat li hekk kif il-konsumatur iħallas il-flus, l-operaturi u l-aġenti tal-ivvjaġġar immedjatament jgħaddu l-flus lil min ikun qed jipprovdi s-servizz bħal linji tal-ajru, cruises u akkomodazzjoni fost oħrajn.

Waqt il-pandemija, dawn is-service providers barranin, biex isalvaw lilhom infushom, irrifjutaw li joħorġu rifużjoni tal-flus li għaddewlhom l-Aġenti.

L-Aġenti jixtiequ jirritornaw il-flus lura lill-konsumaturi iżda ma jistgħux jirrifondu flus li m’għandhomx, tenniet il-Kamra tal-SME’s.

Il-Kamra qalet li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru tat-Turiżmu, is-Segretarjat Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Awtorita’ Maltija għall-Konsumatur u l-Kompetizzjoni (MCCAA) sabiex tinstab soluzzjoni.