L-Istati Uniti qed tagħti liċ-Ċina ċans sa nhar il-Ġimgħa biex tagħlaq il-konsulat tagħha fi Houston, ġewwa Istat ta’ Texas. Iċ-Ċina, intant, qed tirreferi għall-pressjoni bħala provokazzjoni politika, bil-kelliema għall-Gvern ta’ Beijing isostnu li l-ordni għall-għeluq tal-konsulat Ċiniż ma kellha l-ebda ġustifikazzjoni valida.
Madankollu id-Dipartiment tal-Istat Amerikan iddefenda l-azzjoni u spjega li d-deċiżjoni ttieħdet bil-għan li l-Istati Uniti tipproteġi l-proprjetà intelletwali tal-Amerikani. L-aħħar stqarrijiet ingħataw wara li bdew jiċċirkulaw il-filmati ta’ individwi mhumiex identifikati fil-bitħa tal-konsulat Ċiniż huma u jaħarqu l-karti — x’aktarx li dokumenti — li kienu tpoġġew f’numru ta’ laned.
L-iżvilupp hu l-aħħar wieħed f’katalgu ta’ konfronti bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina li ilhom għaddejjin għal żmien mhux ħażin u fejn il-Gvernijiet tal-pajjiżi rispettivi daħlu f’numru ta’ battibekki rigward il-kummerċ u l-oriġini tal-pandemija tal-coronavirus.
Punt qawwi ieħor ta’ diżgwid bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina jinvolvi l-liġi ġdida tas-sigurtà li r-reġim komunista f’Beijing qed jimponi fuq l-eks kolonja Britannika ta’ Hong Kong li sservi bħala hub finanzjarju kruċjali għall-kontinent tal-Asja kif ukoll fuq livell internazzjonali.
//= $special ?>