Qed jikber it-tħassib dwar eskalazzjoni potenzjali tal-konflitt fil-Libja meta l-pressjoni – fuq livell internazzjonali – qed jiżdied fuq it-Turkija bħala alleata ewlenija tal-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali li għandu l-bażi fi Tripli.
Il-preokkupazzjoni rrankat wara d-deċiżjoni, fil-bidu tal-ġimgħa, tal-Parlament tal-Eġittu biex jawtorizza l-istazzjonar ‘potenzjali’ ta’ suldati Eġizzjani fil-Libja. Dan meta pass bħal dan — jekk kemm-il darba realizzat fi prattika — kapaċi jixpruna l-inkwiet fl-artijiet Libjani minbarra li jipprovdi dimensjoni ‘reġjonali’ għall-konflitt.
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-President Eġizzjan, Abdel-Fattah al Sisi, żiedu leħinhom mal-‘kor ta’ appelli internazzjonali’ biex jieqaf il-ġlied fil-Libja. Dan wara li l-Unjoni Ewropea wkoll sejħet biex jintemmu l-ostilitajiet bejn l-avversarji Libjani.
Trump u al Sisi insistew dwar il-ħtieġa għal de-eskalazzjoni tal-konflitt Libjan kif ukoll għal waqfien mill-ġlied f’dak il-pajjiż u biex isir progress fin-negozjati politiċi u ekonomiċi għall-interessi tal-Libjani kollha.
Intant, il-qawwiet tal-Gvern Libjan għall-Għaqda tal-Prim Ministru Fayez al-Sarraj – li huma appoġġjati mit-Turkija – qegħdin iħejju biex jattakkaw il-belt Libjana ta’ Sirte. Din il-belt, li minbarra li għandha importanza kbira strateġika, tipprovdi aċċess ewlieni għar-riservi tal-enerġija fil-Libja.
F’Jannar li għadda, it-Turkija bdiet tibgħat l-għajnuna militari lil-Libja bħala appoġġ lill-Gvern ta’Sarraj li ilu aktar minn sena jirreżisti l-offensiva fuq Tripli mill-Armata Libjana tal-Lvant taħt it-tmexxija tal-Ġeneral Khalifa Haftar. Intant, Haftar, li l-bażi tal-poter tiegħu jinsab fil-Lvant tal-Libja, għandu l-appoġġ ta’ diversi pajjiżi bħall-Eġittu, ir-Russja u l-Emirati Għarab Magħquda.
L-intervent tat-Turkija qaleb il-bilanċ tal-konflitt fil-Libja, bil-qawwiet ta’ Haftar qed isofru telfiet sostanzjali – u bl-Eġittu, issa, qed jipprova jintervjeni minn aspett militari fost sinjali li l-awtoritajiet fil-Kajr huma ‘allarmati bl-iżviluppi’.
Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, min-naħa tiegħu, wiegħed biex ‘ma jabbanduna qatt il-poplu Libjan’ u qed iħejji biex jiffirma dalwaqt ftehim ma’ Tripli li jikkonsolida l-kooperazzjoni tat-Torok ma’ Tripli.
//= $special ?>