Lokali Qorti

Marokkin mixli fil-Qorti t’Għawdex li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq persuna

Marokkin ta’ 36 sena tressaq b’arrest fil-Qorti t’Għawdex, quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq persuna oħra fiż-Żebbuġ.

Ir-raġel ġie akkużat li fid-19 ta’ Lulju, li għadda, għall-ħabta tal-10.30pm.
waqt li kien fi Triq in-Naħla ż-Żebbuġ, Għawdex, ħebb u kkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq persuna oħra bi strument li jaqta’ u bil-ponta.

Hu ġie akkużat ukoll li ġarr l-istess strument mingħajr il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika. Il-Marokkin ġie akkużat ukoll li fl-20 ta’ Lulju, għall-ħabta tal-11.00am. għamel użu mhux xieraq ta’ apparat ta’ kommunikazzjoni eletroniku u li hedded persuna oħra bl-istess apparat.

Finalment, hu ġie akkużat ukoll li fl-20 ta’ Lulju, għall-ħabta ta’ nofsinhar, waqt li kien flGħassa tal-Pulizija tar-Rabat, Għawdex, volontarjament kiser il-bon ordni u l-paċi pubblika.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu u ma ngħatax il-ħelsien millarrest. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.