Lokali

Wara lejl ta’ kommossjoni…skiet taqtgħu b’sikkina fis-Swieqi

L-appartament fejn jgħix Melvin Theuma (Ritratt: Martin Agius)

Ix-xena fis-Swieqi, ftit tas-sigħat biss wara l-allegat attentat suwiċidju ta’ Melvin Theuma, tikkontrasta bil-kbir ma’ dik tal-bieraħ filgħaxija.

Filwaqt li fil-Qorti qed tinstema’ xhieda fil-kumpilazzjoni kontra l-imprenditur Yorgen Fenech, fis-Swieqi l-ebda ħjiel tat-traġedja ta’ ftit tal-ħin ilu.

Netnews.com.mt kien fil-post fejn għajr għat-tape tal-Pulizija fit-tarf tat-triq u għal karozza tal-Pulizija li kull tant ħin tagħmel ronda fl-akkwati, xejn aktar ma jixhed li f’dan il-post, ilbieraħ filgħaxija f’binja f’din it-triq, il-middleman fl-akbar każ kriminali f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin, instab mixħut fuq is-sodda tiegħu b’numru ta’ ġrieħi serji magħmula minn daqqiet ta’ sikkina.

Theuma instab mill-Pulizija li kienet għassa mal-bieb prinċipali tal-blokka u mis-sieħba tiegħu, li daħlu fl-appartament tagħhom wara li l-avukata tal-middleman qajmet l-allarm wara li Theuma ma bediex iwieġeb il-mobile tiegħu.

Skont Konferenza tal-Aħbarijet li ta il-Kummissarju tal-Pulizija aktar kmieni llum, Theuma instab b’sikkina f’idejh il-leminija u bi ġrieħi f’għonqu, f’żaqqu u fil-polz.

Angelo Gafà spjega kif fost dawk li waslu l-ewwel fil-post kien hemm l-Ispettur Keith Arnaud li kellem lil Theuma. li minkejja l-qagħda kritika tiegħu dak il-ħin irnexxielu jindika lil Arnaud li l-ġrieħi kien wettaqhom hu stess fuqu nnifsu. Arnaud huwa l-investigatur prinċipali fl-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.