Lokali

“Żvilupp inkwetanti” – Reporters Without Borders

L-għaqda ġurnalistika internazzjonali Reporters Without Borders (RSF) qalet fi stqarrija li l-avvenimenti ta’ dan il-lejl huma “żvilupp inkwetanti”.

Rappreżentanti ta’ RSF jinsabu Malta biex jixhdu fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hekk kif matul il-lejl li għadda, Melvin Theuma, il-middleman li ngħata l-Proklama sabiex jikxef kollox, qed jissielet għal ħajtu wara li nstab fl-appartament tiegħu isofri minn ġrieħi serji f’għonqu u f’żaqqu.

Id-Direttur Internazzjonali ta’ RSF Rebecca Vincent tinsab Malta ukoll sabiex issegwi l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, l-imprenditur li jinsab akkużat b’kompliċita’ fl-assassinju tal-ġurnalista. Liema kumpilazzjoni kellha titkompla illum.

“Dan hu żvilupp inkwetanti ieħor fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li kien mifni b’irregolaritajiet sa mill-bidunett.” qalet Vincent, “għajnejn id-dinja jinsabu fuq Malta u qed jistennew li ssir ġustizzja. RSF jibqa’ impenjat li jiżgura li ssir ġustizzja ma’ kulmin kien involut f’dan l-assassinju orribbli, inkluż l-imħuħ kollha wara dan ir-reat.”

Intant uffiċjali għolja ta’ RSF se jixhdu fl-inkjesta pubblika dwar il-klima tal-liberta’ ġurnalistika fix-xhur qabel l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.

Malta tinsab fil-81 post fost 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Liberta’ Ġurnalistika tal-2020. Pajjiżna waqa’ 34 post mill-2016 sa issa.