Il-Polonja rreġistrat 418-il każ ġdid tal-Covid-19 għal ġurnata waħda u li jirriflettu l-ogħla qabża ta’ infezzjonijiet f’dan il-pajjiż għal perjodu ta’ 24 siegħa.
Sadanittant, il-Ġappun qed iħejji strateġiji ġodda biex jilqa’ għal tieni mewġa potenzjali tal-Covid-19 wara li l-awtoritajiet f’Tokjo konfermaw 366 każ ġdid li jfissru rekord għal ġurnata waħda f’din il-belt kapitali.
Il-Polonja, issa, qed tevalwa s-sitwazzjoni wara li l-Ministeru tas-Saħħa fil-belt ta’ Varsavja kkonferma l-aħħar żieda fl-istatistika tal-Covid-19 — b-aħħar 418-il każ ‘jissuperaw’ it-380 każi oħra rrappurtati speċifikament għall-jum tal-Erbgħa.
Intant, disa’ imwiet ġodda mill-coronavirus tellgħu t-total tal-vittmi fil-Polonja għal 1,651.
L-awtoritajiet Pollakki huma mħassbin minħabba li n-numru tal-każi attivi fil-pajjiż – li kien qed jonqos regolarment minn għoli ta’ 14,665 f’Ġunju – qed jerġa’ jiżdied u meta, issa, qabeż it-8,300.
Mal-110 fost il-każi ġodda kienu reġistrati fir-reġjun ta’ Silesja ta’ Fuq, b’104 oħra jkunu konfermati f’Mazowsze li tinkorpora l-belt kapitali ta’ Varsavja.
Il-parti kbira tal-minjieri tal-faħam tal-Polonja jinsabu fis-Silesja ta’ Fuq u meta, din il-ġimgħa, seħħew inċidenzi tal-Covid-19 f’talanqas tlieta minn dawn il-minjieri. Il-ħaddiema fil-minjieri tal-faħam jagħmlu tajjeb għal sittax fil-mija tal-infezzjonijiet kollha bil-coronavirus fil-Polonja.
Sadanittant, il-Gvernatur ta’ Tokjo, Yuriko Koike, wissiet lin-nies biex jibqgħu d-dar waqt vaganza pubblika mqassma fuq erbat ijiem konsekuttivi ( u li bdiet millum).
Il-livell tal-allert għall-Covid-19 f’Tokjo jinsab iffissat fuq ‘l-erba’ u li jfisser li ‘l-infezzjonijiet kienu qed jinfirxu madwar il-kapitali’.
Fl-aħħar ġimgħat kien hemm spinta fl-infezzjonijiet bil-Covid-19, bil-każi jkunu rapportati f’numru ta’ ristoranti, nightclubs u postijiet tax-xogħol fil-kapitali Ġappuniża.
Min-naħa tagħha, il-Gvernatur Koike qalet li l-awtoritajiet f’Tokjo għaddejjin bi proċess bil-għan li jirriservaw kmamar tal-lukandi għall-pazjenti bil-Covid-19 li ‘mhumiex ibatu daqshekk bis-sintomi’. Dan meta l-Ġappun, fl-aħħar sigħat, irreġistra total ta’ madwar 800 każ ġdid tal-coronavirus.
Is-sitwazzjoni tal-Covid-19 qed iġġib ukoll aktar tħassib għall-Iran li rreġistra 221 mewta mill-coronavirus fi żmien 24 siegħa. Fl-istess ħin kienu konfermati aktar minn 2,620 infezzjoni bil-Covid-19 fl-Istat Iżlamiku fundamentalista.
Sallum, fl-Iran, mietu aktar minn 15,000 mill-effetti tal-Covid-19, bil-pajjiż qed ibati minn tieni mewġa ta’ każi wara li, f’nofs-April, kien beda jnaqqas mir-restrizzjonijiet għall-movimenti tan-nies.
L-impatt tal-coronavirus, fl-istess ħin, qed ikompli jħalli r-riperkussjonijiet ekonomiċi għal diversi pajjiżi – fosthom l-Istati Uniti.
Fil-fatt, fl-Istati Uniti, l-ammont tal-Amerikani li qegħdin japplikaw għall-benefiċċji tal-qgħad żdied għall-ewwel darba fi ħmistax-il ġimgħa.
Fl-aħħar ġimgħa, xi 1.4 miljun persuna applikaw għall-benefiċċji, bid-data qed turi li wieħed mgħandux jistenna xi forom ta’ stimolu għas-suq tax-xogħol dment li l-każi tal-Covid-19 ikomplu telgħin fl-Istati Uniti. Is-sitwazzjoni anki qed tgħabbi pressjoni fuq il-Kungress Amerikan biex, ‘il quddiem, jgħaddi aktar pakketti ta’ stimolu għall-ekonomija u s-setturi tax-xogħol.
L-aħħar rapporti qalu wkoll li Kalifornja issuperat lil New York bħala l-agħar Stat Amerikan milqut mill-każi tal-coronavirus.
Fl-Ingilterra, ħarġu r-regoli riveduti – bi gwidi uffiċjali – għall-ilbies tal-maskri tal-wiċċ fil-postijiet pubbliċi. Il-maskri jridu jintlibsu bilfors fil-ħwienet, iżda s-sidien tan-negozji baqgħu jgħidu li l-awtoritajiet ħarġu ‘il-messaġġi konfliġġenti’ fir-rigward ta’ dan il-kwistjoni.
Rapporti mill-Portugall qalu li kumpannija għall-ipproċessar tal-laħam kienet kostretta li tagħlaq wara li talanqas 34 ħaddiem testjaw pożittiv għall-Covid-19. L-awtoritajiet fil-belt ta’ Tomar fil-preżent qed jinvestigaw għal aktar infezzjonijiet simili.
Sadanittant, l-ispiża tal-pandemija kkaġunat l-akbar żbilanċ fil-baġit tal-Awstralja minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Dan meta l-Istat ta’ Victoria rappurtat aktar minn 400 infezzjoni ġdida, li ħafna minnhom kienu konfermati fil-belt ta’ Melbourne li qed tinżamm taħt lockdown.
//= $special ?>