Coronavirus Lokali Saħħa

“Dawk kollha li attendew għandhom jagħmlu test f’każ li jħossu xi sintomi”

Il-każ pożittiv ta’ Coronavirus li tħabbar illum kien ta’ persuna li attenda l-avveniment bl-isem ‘Hotel Takeover Summer 2020’ li sar fir-Radisson Blu Resort f’San Ġiljan. Dan ħabbru l-Gvern fi stqarrija uffiċjali.

L-Awtoritajiet għas-Saħħa Pubblika qed jirrakkomandaw lil dawk kollha li attendew dan l-avveniment biex jagħmlu test għal COVID19. Dawn għandhom iċemplu 111 għall-appuntament, anke jekk m’għandhom l-ebda sintomi. 

Minħabba li s-sintomi jistgħu joħorġu sa 14-il ġurnata wara li jkun sar kuntatt mal-virus, huwa importanti li dawk kollha li attendew jagħtu aktar każ għax xi sintomi anke ħfief li jista’ jkollhom matul il-ħmistax li ġejjin. 

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qalu li kull min jiżviluppawlu s-sintomi, anke żgħar, għandu mill-ġdid iċempel 111 għal swab test. Waqt li m’hemmx lok ta’ allarm hekk kif qed jittieħdu l-passi kollha neċessarji kif qed isir f’dan il-każ, huwa importanti li wieħed jibqa’ jsegwi l-pariri għas-saħħa pubblika. 

Qabel ma beda dan il-party, l-organizzaturi ħadu kull prekawzjonijiet meħtieġa fosthom li kulħadd ittiħditlu t-temperatura għad-deni.

Għadu mhux magħruf jekk il-persuna bdietx tħoss is-sintomi waqt li kienet f’dan l-avveniment. Jidher li dawk li kienu fl-istess kamra ma’ din il-persuna, kollha għamlu t-test u ġie negattiv.

F’post fuq il-media soċjali, l-organizzaturi qalu li jinsabu f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex jassistuhom f’dak li għandhom bżonn. Qalu wkoll li l-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu qed jagħmlu kuntatt ma’ divesi persuni u joħorġu stqarrijiet pubbliċi. Appellaw biex min għandu mistoqsijiet iċempel fuq il-helpline 111.

Mill-ewwel ta’ Lulju tneħħiet l-emerġenza medika u għalhekk tneħħew ir-restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19. Għalhekk minn dakinhar kien permess li jsiru attivtajiet tal-massa mingħajr ebda restrizzjoni ta’ kemm ikun hemm persuni sakemm l-avvenimenti jsiru fil-miftuħ.