Internazzjonali

Ġermanja: Sentenza sospiża għal eks gwardjan Nażista

Eks gwardjan Nażista, li llum għandu 93 sena, ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża għal sentejn għall-kompliċità tiegħu f’atroċitajiet li seħħew matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-proċess ta’ Bruno Dey, li kien stazzjonat fil-kamp tal-konċentrazzjoni ta’ Stutthof, kien konkluż fil-belt Ġermaniża ta’ Hamburg —  bil-proċess tal-qorti kapaċi jkun fost l-aħħar għal eks gwardjani tal-SS li kien il-grupp paramilitari elit tal-Ġermanja Nażista b’sehem f’diversi reati tal-gwerra.

Bruno Day ġie kundannat għar-rwol tiegħu fil-qtil ta’ aktar minn 5,000 persuna meta hu kien qed jaqdi d-dover ta’ gwardjan fil-kamp tal-konċentrazzjoni f’zona viċin ta’ Danzig – illum magħruf bħala Gdansk – fil-Polonja.

L-imħallef f’Hamburg qalet li Dey kellu kontribut f’kampanja ta’ trattament inuman tal-priġunieri u fejn hu ipprovda r-rwol ta’ kompliċi aktar milli ta’ osservatur. Fl-aħħar kummenti lill-qorti, Bruno Day talab skuża lill-qraba tal-vittmi tal-kamp u enfasizza li ġie sfurzat biex jaqdi d-dover ta’ gwardjan.