Internazzjonali

Iċ-Ċina tibda missjoni spazjali lejn Mars

epa08561775 The rocket carrying China's Tianwen-1 Mars rover is seen after liftoff in Wenchang, Hainan province, China, 23 July 2020. The rover was lifted off by a Long March 5 rocket on Hainan Island and it is expected to reach Mars in February 2021. EPA-EFE/STR CHINA OUT

Iċ-Ċina bdiet l-ewwel missjoni spazjali lejn il-Pjaneta Mars b’inġenju robotiku magħruf bħala ‘rover’. Intant, mistenni li dan ir-‘rover’ għandu jilħaq l-orbita ta’ Mars – magħruf bħala l-Pjaneta l-Ħamra – fi Frar tas-sena d-dieħla.

Ir-rokot ( tat-tip Long March 5) li qed iġorr il-‘Mars Rover’ tela, fl-aħħar sigħat, mill-ispaceport ta’ Wenchang fuq il-Gżira ta’ Hainan, fil-provinċja ta’ Hainan.

Ladarba r-‘rover’, bl-isem Tianwen-1, jilħaq l-orbita ta’ Mars mhux mistenni li jinżel fuq il-pjaneta proprja qabel xahrejn jew tliet xhur wara.

Mifhum li l-protagonisti wara din il-missjoni qegħdin jaħdmu fuq strateġija li tippermetti biex l-inġiniera jevalwaw il-kundizzjonijiet atmosferiċi fuq Mars qabel jibdew il-fażi għall-inżul tar-rover li tinvolvi l-aktar fażi diffiċli u delikata tal-missjoni.

Intant, il-missjoni bi Tianwen-1 hi waħda minn tliet missjonijiet spazjali lejn il-Pjaneta l-Ħamra li jkunu kollha ‘attivi’ f’perjodu ta’ ħdax-il jum. Fil-bidu tal-ġimgħa, l-Emirati Għarab Magħquda bdew il-missjoni  bis-satellita ‘Hope’ lejn Mars  u ftit jiem oħra, l-aġenzija spazjali NASA tal-Istati Uniti għandha ttella l-inġenju ( rover) simili bl-isem ‘Perseverance’.