Fit-22 ta’ Lulju 2020, saret laqgħa Ġenerali Straordinarja mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Union tal-Bdoti (ALPA) sabiex jiġi diskuss l-impatt li l-pandemija Covid-19 kellha fuq l-impjieg tagħhom mal-Air Malta.
Aktar minn nofs il-membri tal-assoċjazzjoni tkeċċew fit-8 ta’ Ġunju 2020 u sal-lum għadhom ma jafux x’se jsir minnhom, saħqet l-ALPA fi stqarrija.
Numru kbir minn dawn il-piloti kienu ilhom jaħdmu mal-Air Malta għall-għoxrin sena. Madanakollu t-tmexxija tal-linja nazzjonali tal-ajru qed tirrifjuta li tidħol f’konsultazzjoni biex isolvi t-tbatija li qed jagħddu minnha il-familji ta’ 69 pilota.
Fi stqarrija l-ALPA saħqet li l-Kumitat Eżekuttiv bi pjaċir jinnota li sens qawwi ta’ solidarjetà fil-komunità tal-bdoti xorta waħda baqa’ ħaj f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Filfatt, il-membri li żammew l-impjieg tagħhom qablu li jagħtu parti sostanzjali mis-salarju tagħhom lil dawk il-membri li spiċċaw imkeċċija mill-kumpanija.
L-ALPA se tipprovdi wkoll għajnuna finanzjarja sabiex tiżgura li l-membri tagħna jirċievu d-dħul meħtieġ biex huma u l-famliji tagħhom ikunu jistgħu ilaħqu mal-ħajja ta’ kuljum. Min-naħa l-oħra, l-ALPA b’dispjaċir innotat li l-Air Malta ma pprovdiet l-ebda ġustifikazzjoni għan-nuqqasijiet tagħha.
Għaldaqstant, l-ALPA qed tappella lill-kumpanija biex tieħu sehem f’diskussjonijiet sinifikanti sabiex tiżgura li tinstab soluzzjoni fit-tul fl-interess taż-żewġ partijiet.