Bejn l-Erbgħa u l-Ħamis fil-Gżejjer Maltin ġie rreġistrat każ ieħor ġdid ta’ Covid-19, biex b’hekk il-każijiet attivi komplew jiżdiedu …u issa n-numru totali huwa dak ta’ 6.
Il-każ il-ġdid huwa s-sitt wieħed f’din l-20 ġimgħa minn mindu feġġet l-imxija f’Malta f’Marzu li għadda.
Il-Ministeru għas-Saħħa fuq Facebook spjega li l-persuna kellha s-sintomi, u li huwa każ lokali u sporadiku.
It-total ta’ persuni mfejqa mill-pandemija baqa’ dak ta’ 665.
Sa issa ġew irreġistrati total ta’ 680 każ fejn sfortunatament, 9 minnhom tilfu hajjithom.
F’intervista li Net News kellu din il-ġimgħa mas-Supritendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci appellat lill-Maltin biex jibqgħu kawti u jimxu mad-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Meta saqsejniha dwar il-ftuħ tal-ajruport, hi qalet li minn mindu dan reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu biex nilqghu t-turisti, kellna biss numru żgħir ta’ persuni li ttestjaw pożittivi, għalkemm xorta waħda appellat lil dawk li jkunu se jsiefru biex jibqgħu jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa.
Minn mindu fetaħ l-ajruport sal-lum, kellna 10 każi ġodda ta’ Coronavirus, filwaqt li kellna wkoll tmint ijiem konsekuttivi mingħajr ebda każijiet ġodda.