Lokali Saħħa

Il-Liġi tas-Saħħa Mentali

“Il-liġi tilħaq l-għan tagħha meta tasal għand dawk li għalihom kienet imfassla.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, John Cachia meta kien qed jindirizza konferenza fuq pjattaforma online.

Waqt din il-konferenza, Dr Cachia tkellem dwar l-importanza tal-eżerċizzju, dieta tajba, il-passatempti u kemm hu mportanti li tqatta’ ħin ta’ kwalità mal-familjari u l-ħbieb. Hu semma’ statistika interessanti li l-persuni li talbu l-għajnuna wara l-pandemija tal-COVID-19, irrduppjaw minn Marzu u April sas-Sajf.

Hu tkellem dwar il-ħsieb wara l-pubblikazzjoni ta’ fuljett ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-individwu skond il-Liġi tas-Saħħa Mentali. Fuljett mmirat għaċ-ċittadini kollha, b’mod speċjali għal dawk li jirrikorru għall-għajnuna minħabba sfidi ta’ saħħa mentali, dawk li jieħdu ħsiebhom kif ukoll professjonisti.

Il-Liġi tas-Saħħa Mentali tinkludi lista ta’ 19-il dritt li jkopru dak li wieħed għandu jistenna meta jkun qed jagħmel użu mis-servizzi tas-saħħa mentali.

Dawn jistgħu jinġabru fil-prinċipji tad-dinjita` u rispett tal-persuna mingħajr distinzjoni tas-severita` tal-kundizzjoni kif ukoll id-dritt għal informazzjoni fl-aktar sens wiesa` tiegħu waqt li l-persuni jiġu mħeġġa biex jieħdu sehem attiv fil-proċess ta’ kura tagħhom.

Il-fuljett jispjega lir-rwol tal-Kummissarju fil-ħarsien tad-drittijiet kif ukoll deskrizzjonijiet oħra bħal xi tfisser kura voluntarja u kura involontarja kemm l-isptar kif ukoll fil-komunita’. Jinkludi wkoll dettalji tal-proċess li jrid jiġi segwit, kif ukoll il-perjodi ta’ kura kif determinati mill-liġi u kif japplikaw għall-adulti u  għall-minuri.

Il-Kummissarju stqar li l-pazjenti għandhom ikunu attivi u jingħataw vuċi sħiħa fil-proċess tal-kura u dan il-fuljett jirrakomanda kif wieħed jista’ jipparteċipa fil-pjan ta’ kura u kif jista’ jsemma’ leħnu permezz ta’ ilmenti jew suġġerimenti.

Dan il-fuljett qed jitqassam b’xejn mill-uffiċju tal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali.

Inti tista’ takkwista verżjoni elettronika onlajn fuq is-sit tal-Uffiċju. Min jixtieq kopja bil-posta, jista’ jibgħat email bid-dettalji fuq  mentalhealthcommissioner.health@gov.mt jew jagħmel kuntatt permezz tal-paġna ta’ Facebook tal-uffiċċju.