Lokali

“Ilbieraħ ommi, illum il-ħaddiem ġewwa Bormla u għada min?”

“Ilbieraħ ommi, illum il-ħaddiem ġewwa Bormla u għada min?” Hekk kitbet f’post fuq il-media soċjali t-tifla ta’ Miriam Pace, li f’Marzu li għadda tilfet ħajjitha taħt it-tifrik ta’ darha stess.

Ivana Portelli kitbet li b’dispjaċir kbir turi s-simpatija mal-vittma u l-qraba tiegħu. Però sfortunatament mhux qed tħossha sorpriża li reġgħet ġrat diżgrazzja oħra. “Juri biċ-ċar kif ma nbidel xejn f’dawn l-aħħar ħames xhur biex jitranġaw l-affarijiet, iżda pjutost żdiedet biss il-biża’ fiċ-ċittadin Malti li b’xi mod jew ieħor imiss ma’ dawn is-sitwazzjonijiet.”

Hija qalet li l-kliem sabiħ jimlik b’kuraġġ għall-ewwel ftit ġimgħat imma jekk ma jinbidel xejn dawk l-erba’ kelmiet ma jiswew xejn. “Nixtieq li għallinqas id-diżgrazzja li ġrat lill-familja tagħna tiswa biex familji oħra ma jgħaddux milli għaddejna aħna.”

Ivana Portelli qalet li għalkemm talbu kemm il darba biex issir inkjesta pubblika… talba li kienet saret ukoll mill-Partit Nazzjonalsirta, din waqgħet biss fuq widnejn torox. “U huwa għalhekk li qed jerġgħu jiġru l-affarijiet għax ma nitgħallmu qatt u ma rridux nitgħallmu. Huwa ċar li hemm xi ħaħa ħażina fis-sistema u jrid isir proċess newtrali biex dawn in-nuqqasijiet jinstabu” temmet tgħid bint Miriam Pace.