Futbol Sport

Inter miżmuma u Juventus jistgħu jirbħu l-kampjonat għada kontra Udinese

(Ritratt: EPA)

Inter ma rnexxielhomx jiksbu t-tliet punti biex iżommu t-tieni post. B’hekk Juventus għandhom ċans li jirbħu d-disa’ kampjonat konsekuttiv għada jekk jegħlbu lil Udinese. Fin-naħa ta’ isfel, Brescia huma matematikament relegati filwaqt li Genoa u Lecce rebħu t-tnejn u komplew id-dwell bejniethom għal min se jibqa’ fis-Serie A.

MILAN – Inter kienu miżmuma fi draw ta’ 0-0 kontra Fiorentina fi Stadio Giuseppe Meazza. B’dan ir-riżultat, Inter naqsu li jżommu t-tieni post filwaqt li taw l-opportunità lil Juventus li jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat illum. Inter kienu mċaħħda darbtejn mil-lasta permezz ta’ Romelu Lukaku u Alexis Sanchez, b’Samir Handanovic isalva lil Inter minn konklużjoni ta’ Pol Lirola.

LECCE – Fi Stadio Via del Mare, Lecce kisbu rebħa 3-1 biex baqgħu jittamaw li jsalvaw filwaqt li kkonfermaw ir-relegazzjoni ta’ Brescia fis-Serie B. L-eroj kien GIANLUCA LAPADULA li fetaħ l-iskor fit-22 minuta u rdoppja għaxar minuti wara. DANIELE DESSENA naqqas id-distakk fit-63 minuta iżda RICCARDO SAPONARA għamel l-iskor 3-1 fis-70 minuta.

PARMA – Tliet penalties kienu determinanti biex Parma ħarġu rebbieħa 2-1 kontra Napoli fi Stadio Tardini. Parma ngħataw l-ewwel penalty fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima wara fawl ta’ Mario Rui fuq Alberto Grassi fil-kaxxa, b’GIANLUCA CAPRARI jiskorja mill-11-il metru. Napoli ġabu d-draw fl-54 minuta meta xutt ta’ Fabian Ruiz ħabat ma’ id Grassi fil-kaxxa. Il-captain LORENZO INSIGNE ma żbaljax. DEJAN KULUSEVSKI skorja l-gowl tar-rebħa għal Parma fis-87 minuta bit-tieni penalty għat-tim tiegħu wara li twaqqa’ minn Kalidou Koulibaly.

FERRARA – Rebħa kbira għal Roma ta’ 6-1 fi Stadio Paolo Mazza kontra Spal biex b’hekk reġgħu jinsabu fil-ħames post. NIKOLA KALINIC fetaħ l-iskor wara 10 minuti mir-rebound iżda ALBERTO CERRI ġab id-draw fl-24 minuta. CARLES PEREZ reġa’ poġġa lil Roma fil-vantaġġ b’xutt b’saħħtu fit-38 minuta u d-difensur ALEKSANDER KOLAROV kabbar il-vantaġġ fis-47 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa. BRUNO PERES skorja doppjetta b’gowls fit-52 u l-75 minuta biex wara li Kevin Bonifazi tkeċċa għal Spal, NICOLÒ ZANIOLO ssiġilla r-rebħa bis-sitt gowl fid-90 minuta.

ĠENOVA – Genoa rebħu d-derby della Lanterna fi Stadio Marassi u komplew jersqu lejn is-salvazzjoni. DOMENICO CRISCITO fetaħ l-iskor fit-22 minuta minn penalty iżda Sampdoria ġabu d-draw fit-32 minuta permezz ta’ MANOLO GABBIADINI. Genoa skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-72 minuta b’konklużjoni minn barra l-kaxxa ta’ LUKAS LERAGER.

TURIN – Torino resqu pass eqreb li jikkonfermaw posthom fis-Serie A bi draw ta’ 1-1 f’darhom kontra Verona. Kienu t-tim ta’ Ivan Juric li mar minn fuq fis-56 minuta minn penalty ta’ FABIO BORINI iżda Torino ġabu d-draw fis-67 minuta b’daqqa ta’ ras tal-attakkant SIMONE ZAZA.

Serie A

It-Tlieta: Atalanta v Bologna 1-0, Sassuolo v Milan 1-2

Illum: Inter v Fiorentina 0-0, Lecce v Brescia 3-1, Parma v Napoli 2-1, Spal v Roma 1-6, Sampdoria v Genoa 1-2, Torino v Verona 1-1

Għada: Udinese v Juventus 7.30pm, Lazio v Cagliari 9.45pm