Il-Konkors Kanzunetta Indipendenza u l-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior, għal sena oħra, se jerġgħu jżommu l-appuntamenti tagħhom u jagħtu l-opportunità lill-kantanti jinterpretaw kanzunetti oriġinali bil-Malti. Dawn il-konkorsi se jsiru matul ix-xahar ta’ Settembru bis-serati finali jittellgħu fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2020 rispettivament. Iż-żewġ serati ser ikunu qed jixxandru dirett fuq l-istazzjon Net TV.
Għall-edizzjonijiet ta’ din is-sena applikaw b’kollox 66 kanzunetta, bi 42 applikazzjoni jkunu sottomessi għas-sezzjoni tal-kbar u 24 applikazzjoni għas-sezzjoni tal-Junior. Dawn il-kanzunetti se jgħaddu minn fażi eliminatorja li minnha ser jgħaddu 20 kanzunetta f’kull kategorija għall-finali. Żewġ ġuriji differenti se jiġġudikaw il-kanzunetti waqt il-fażi eliminatorja li se ssir nhar il-Ġimgħa 31 ta’ Lulju, 2020.
Matul ix-xahar ta’ Settembru se jkun qed jittella’ programm fuq NET TV ddedikat kollu kemm hu għal dawn iż-żewġ Konkorsi, bil-ħsieb ewlieni jkun li l-kantanti parteċipanti jingħataw spazju u viżibilità biex jesprimu u jesponu t-talenti tagħhom. F’dawn il-programmi, il-kantanti se jkollhom l-opportunità li jinterpretaw il-kanzunetta tagħhom u fl-istess waqt it-telespettaturi jsiru jafu aktar dwar l-istess kantanti. F’wieħed minn dawn il-programmi ser jiġu mistiedna wkoll l-awturi u l-kompożituri tal-kanzunetti finalisti. Matul l-istess xahar, anke NET FM ser ikun qed jagħti spazju lill-kantanti finalisti kollha fi programmi varji li jkunu qed jixxandru bħala parti mill-iskeda ta’ dak il-perjodu.
Bħas-snin passati ser jerġa’ jkun hemm premjijiet għall-ewwel tliet postijiet fil-kategorija tal-kbar filwaqt li fil-kategorija tal-Junior ser jingħataw sitt premijiet. Dawn jinqasmu bejn il-kantanti li għandhom età bejn is-6 u l-11-il sena u dawk ta’ età bejn it-12 u l-15-il sena. Il-kanzunetta rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior tkun dik il-kanzunetta li tkun ġabet l-akbar numru ta’ voti.
Il-pubbliku ser ikollu l-opportunità li jagħmel l-għażla tiegħu wkoll għall-kanzunetta favorita fiż-żewġ kategoriji permezz tat-televoting fejn kull kanzunetta finalista ser ikollha numru abbinat magħha. Iż-żewġ kanzunetti rebbieħa permezz tat-televoting ser ikunu qed jiġu ppremjati separatament bi premju tal-aktar kanzunetta popolari hekk kif ivvutata mill-pubbliku permezz tat-televoting.
Il-kantanti tal-kanzunetti finalisti kollha ser ikollhom kartolina abbinata magħhom. Din is-sena s-suġġett magħżul għal dawn il-kartolini ser ikun l-Isport u Stili ta’ Ħajja Sana. Fil-fatt dawn l-istess kantanti ser ikunu ambaxxaturi ta’ kampanja nazzjonali favur sport tul ħajjitna (#sportforlife) li ġiet varata fl-aħħar jiem. Kull finalist ser ikollu abbinat miegħu dixxiplina sportiva differenti fejn fl-istess kartolina ser ikun qed jinġibed il-filmat f’ambjent sportiv.

Waqt is-serata finali jkun hemm ġurija għal kull kategorija li tiġġudika l-kanzunetti u fl-aħħar toħroġ bir-riżultati finali. Il-proċess kollu taż-żewġ konkorsi, mill-applikazzjonijiet sal-fażi finali, jsir fil-preżenza ta’ Nutar Pubbliku.
Dawn iż-żewġ konkorsi huma kkoordinati minn Kumitat Organizzattiv taħt it-tmexxija ta’ Robert Cutajar.
//= $special ?>