Futbol Sport

Juventus ifallu l-ewwel opportunità li jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat

(Ritratt: EPA)

Juventus fallew l-opportunità li jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat wara li sfaw megħluba minn Udinese 2-1 fid-Dacia Arena. B’hekk id-distakk tagħhom fuq Atalanta baqa’ ta’ sitt punti, b’Inter isegwu seba’ punti warajhom. Udinese fuq in-naħa l-oħra huma prattikament salvi hekk kif telgħu fil-15-il post b’39 punt, seba’ punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni.

Kienu Juventus li marru fil-vantaġġ fit-42 minuta b’xutt preċiż minn barra l-kaxxa tad-difensur MATTHIJS DE LIGT. Udinese ġabu d-draw fit-52 minuta b’ILIJA NESTOROVSKI itir minn tulu biex iltaqa’ ma’ kross mix-xellug u għeleb lil Wojciech Szczesny b’daqqa ta’ ras. Il-gowl tar-rebħa għat-tim ta’ Luca Gotti wasal fit-92 minuta b’ħarba ta’ SEKO FOFANA li avvanza minn nofs grawnd, qabeż lil de Ligt u xeħet il-ballun taħt Szczesny.