Lokali Parlament

L-Assoċjazzjoni tal-Inġiniera ċċanfar diskors ta’ Ian Borg

"Il-Ministru Ian Borg qatt ma kkonsulta magħna"

Il-Malta Association of Professional Engineers (MAPE), il-union nazzjonali tal-inġiniera permezz ta’ stqarrija saħqet li lbieraħ fil-Parlament saru numru ta’ allegazzjonijiet foloz u maħsuba biex joħolqu konfużjoni fil-konfront tagħhom mill-Ministru Ian Borg.

Huma saħqu li Ian Borg fil-Parlament prova jwassal misinformazzjoni biex jagħmel ħsara lilhom.

L-Assoċjazzjoni tal-Inġiniera qalet li “pubblikament tisfida l-Ministru Ian Borg biex jirrepeti fid-dettal kollu d-diskors li għamel ilbieraħ fil-Parlament, din id-darba barra l-Parlament fejn ma jgawdix immunità Parlamentari.”

Hija qalet li jekk dan iseħħ il-MAPE jkollha opportunità tiddenfendi ruħha quddiem din il-malafama fil-Qorti tal-Ġustizzja.

F’każ li l-Ministru Ian Borg jagħżel li jagħmel mod ieħor, il-MAPE tikkonkludi li l-Ministru qed jabbuża mill-immunità parlamentari sabiex ixerred informazzjoni falza fuq l-istess Union.

L-Assoċjazzjoni qalet li l-Ministru li kien jinżamm infurmat mill-MAPE, kellu jkun aktar għaqli u jsejjaħ lil MAPE għal konsultazzjonijiet, qabel ma jagħmel xi diskors bħal ma għamel fil-Parlament ilbieraħ.