Futbol Sport

Liverpool b’ċelebrazzjoni unika fl-okkażjoni tal-ewwel kampjonat mirbuħ wara nuqqas ta’ 30 sena

(Ritratt: EPA)

Il-mument li kull partitarju ta’ Liverpool kien qed jistenna għal tant żmien wasal. Ilbieraħ filgħaxija, Liverpool kienu nkurunati champions tal-Ingilterra għad-19-il darba f’dak li hu l-ewwel kampjonat mirbuħ minnhom fl-1990.

F’logħba mimlija gowls f’Anfield, Liverpool rebħu 5-3 f’Anfield. Naby Keita fetaħ l-iskor fit-23 minuta b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa wara żball ta’ Willian u Trent-Alexander Arnold irdoppja fit-38 minuta bi free-kick preċiż. Ħames minuti wara l-midfielder Georginio Wijnaldum għamilhom tlieta b’xutt fis-saqaf tax-xibka sakemm fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Olivier Giroud naqqas id-distakk mill-viċin wara li Alisson kien salva parzjalment ix-xutt ta’ Willian.

Roberto Firmino għamel l-iskor 4-1 fil-55 minuta b’daqqa ta’ ras minn qagħda ideali iżda Chelsea rnexxielhom jidħlu fil-logħba. L-ewwel kien Tammy Abraham li naqqas id-distakk fil-61 minuta wara kross tas-sostitut Christian Pulisic, bl-Amerikan jiskorja fit-73 minuta b’xutt minn qagħda ċentrali. Madankollu kien Alex Oxlade-Chamberlain li fit-83 minuta ssiġilla r-rebħa b’xutt b’saħħtu wara li rċieva kross mix-xellug ta’ Andy Robertson. Wara l-logħba bdew iċ-ċelebrazzjonijiet mistħoqqa tal-partitarji ta’ Liverpool, bil-qofol jintlaħaq meta l-captain Jordan Henderson għolla t-trofew tal-Premier League fost il-ferħ ta’ sħabu.

Manchester United ġew miżmuma fi draw ta’ 1-1 kontra West Ham f’Old Trafford. B’hekk West Ham aċċertaw posthom fil-Premier League filwaqt li Manchester United telgħu fit-tielet post. Kienu West Ham li marru minn fuq meta ngħataw penalty qabel tmiem l-ewwel taqsima. Ix-xutt ta’ Declan Rice ġie mwaqqaf fil-kaxxa minn idejn Paul Pogba, b’Michail Antonio jegħleb lil David de Gea mill-penalty. Ir-Red Devils ġabu d-draw fil-51 minuta b’Anthony Martial iqassam lejn Mason Greenwood li skorja b’xutt fil-baxx f’dak li kien is-17-il gowl tiegħu f’dan l-istaġun.