Il-Kamra tal-Periti tħeġġeġ lill-Prim Ministru u l-Ministri responabbli minn din l-industrija fl-aspetti kollha tagħha sabiex iżżomm mal-impenn li daħal għalih l-Gvern f’Awwissu li għadda mingħajr iktar telf ta’ żmien. Huwa inaċċettabli li pajjiż li jaspira li jipproġetta ruħu bħala “l-aqwa fl-Ewropa” jibqa’ kompjaċenti meta ffaċjat b’traġedji bħal dawn, li sfortunatament saru wisq komuni. Il-pajjiż jixraqlu aħjar.
Dalgħodu għal darb’oħra intemmet il-ħajja ta’ ħaddiem fuq sit ta’ kostruzzjoni wara kollass ta’ ħajt fl-istess sit. Filwaqt illi d-dettalji tal-inċident għadhom qed jiġu stabbiliti, ħaġa waħda hija ċara: l-industrija tal-kostruzzjoni hija mifnija b’nuqqasijiet sistemiċi u fundamentali li jridu jiġi ndirizzati minnufih.
Fi stqarrija, il-Kamra tal-Periti qalet li filwaqt li tinsab konxja dwar xogħol tal-Gvern matul l-aħħar xhur rigward abbozzar ta’ liġijiet li għandhom iwasslu għal dan it-tibdil tant meħtieġ, huwa evidenti li n-nuqqas ta’ attenzjoni u riżorsi qed ixekklu b’mod gravi il-progress f’dan il-qasam. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-kumitiat li kien waqqaf il-Prim Ministru għadhom sallum mhux magħrufa, u minkejja diversi laqgħat twal ma’ stakeholders fl-industrija għadna ‘l bogħod sabiex naraw riżultati sinjifikanti. Din is-sitwazzjoni m’għadhiex tenibbli. Iktar dewmien m’għadux aċċettabbli.
Min-naħa tagħha, wara ilha tħeġġeġ diversi gvernijiet mill-2007 sabiex iġibu fis-seħħ riformi sostanzjali flindustrija, il-Kamra tal-Periti ppubblikat il-proposti tagħha A Modern Building and Constriction Regulation Framework for Malta f’Mejju 2019. Dawn ġew ippreżentati lill-istakeholders kollha tal-industrija, inklużi l-Kamra tal-Inġiniera, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Industrija tal-Bini, il-Bord tar-Regolamentazzjoni tal-Bini, l-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini, l-Aġenzija dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, l-Awtorità tal-Ippjanar, l-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, u l-Malta Insurers Association. Dawn l-entitajiet u organizzazzjonijiet qablu mal-proposti tal-Kamra tal-Periti u għalhekk hemm konsensus fl-industrija li dawn huma kemm neċessarji kif ukoll mixtieqa.
Il-proposti kienu ppreżentati wkoll lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Oppożizzjoni, kif ukoll lill-Gvern li, permezz ta’ Ittra ta’ Impenn maħruġa f’Awwissu 2019, irrikonoxxa l-bżonn ta’ riforma ħolistika tal-industrija
tal-bini u tal-kostruzzjoni, u kkommetta li jimplimenta l-proposti tal-Kamra.
Wara li għarblet il-kummenti li rċeviet, il-Kamra tal-Periti ppubblikat il-verżjoni finali tal-proposti tagħha f’Ġunju, li ntlaqgħu pożittivament mill-industrija.