Lokali

“Ma jistgħux jiġu sagrifikati iktar ħajjiet fuq l-altar tar-regħba” – Moviment Graffiti

“Il-mewt ta’ ħaddiem f’sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla li seħħ dalgħodu huwa mewta oħra bla sens ikkawżata min-nuqqas ta’ regolamentazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni”. Kundanna ċara mill-Moviment Graffitti fejn il-grupp esprima x-xokk tiegħu għal mewt oħra f’sit tal-kostruzzjoni u kkundanna wkoll in-nuqqas ta’azzjoni min-naħa tal-awtoritajiet fl-introduzzjoni ta’ regolamenti aktar stretti fuq is-settur. “Din il-mewt setgħet ġiet evitata u hija r-riżultat tas-sagrifiċċju tad-deċenza fuq l-altar tal-profitt tal-privat.”

L-istqarrija tkompli tgħid li din il-mewta ssegwi dik ta’ Miriam Pace ftit tax-xhur ilu, it-tiġrif ta’ bosta djar fis-sajf tal-2019, u numru kbir ta’ inċidenti f’siti ta’ kostruzzjoni, uħud minnhom fatali, tul is-snin li għaddew. Quddiem dan kollu, kemm il-Gvern kif ukoll l-MDA ripetutament iddikjaraw li xtaqu jaraw regolamentazzjoni aħjar fis-settur, iżda kulħadd jista’ jara kif ma nbidel xejn.

Barra minn hekk, l-inċentivi tal-Gvern lill-industrija tal-kostruzzjoni sabiex jinxtara makkinarju ġdid huma manuvra insolenti. Mhux biss intesa l-kunċett ta’ regolamenti aktar stretti, iżda l-gvern qiegħed effettivament juża l-fondi pubbliċi f’wirja xokkanti ta’ serviliżmu lejn lobby privata. Il-makkinarju għandu jiġi aġġornat fis-settur kollu bħala regola, u dan l-aġġornament għandu jiġi ffinanzjat mill-iżviluppaturi nnifishom u mhux mill-kontribwenti, stqarr il-Moviment Graffiti.

“Din hija mewt oħra bla sens ta’ ħaddiem li dalgħodu ħareġ biex imur għax-xogħol, fejn probabbilment jitħallas salarju miżeru li kemm kemm jippermettilu jasal sal-aħħar tax-xahar. Nistaqsu ruħna jekk qatt se nkunu nafu x’jismu, jekk ħalliex familja warajh, u jekk hux se ssir ġustizzja għal din il-mewt,” il-grupp qal fi stqarrija.

“Drajna naraw lill-MDA u l-lobby tal-kostruzzjoni jxerrdu dmugħ tal-kukkudrilli wara inċidenti bħal dawn, iżda m’aħniex nistennewhom jirrikonoxxu ’l dan il-ħaddiem li miet. Dawk li huma sfruttati mill-kbarat tal-kostruzzjoni jiswew tassew ftit fl-iskala tal-importanza ta’ din il-lobby.”

Il-Moviment Graffitti talab lill-Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiġi regolarizzat dan is-settur, li jemmen bl-arroganza kollha li huwa ’l fuq mil-liġi, u sabiex tiġi introdotta leġiżlazzjoni sabiex jiġu protetti b’mod indaqs id-drittijiet tal-ħaddiema u r-residenti.

Il-grupp innota b’diżappunt li wara l-mewt ta’ Miriam Pace saru ħafna wegħdiet iżda minn dak iż-żmien ’l hawn ma ttieħdet ebda azzjoni, u wisq anqas saret ġustizzja.