Sport Sport Ieħor

Marquez iddikjarat fiżikament tajjeb biex jikkompeti fit-tieni Grand Prix tal-istaġun

(Ritratt: EPA)

Iċ-champion tad-dinja Marc Marquez ġie ddikjarat fiżikament tajjeb biex jikkompeti fil-Grand Prix ta’ Andalusija fiċ-ċirkwit ta’ Jerez. Din l-aħbar hi meqjusa bħala sorpriża wara li weġġa’ serjament fl-ewwel Grand Prix tal-istaġun il-Ħadd li għadda.

Iċ-champion tad-dinja kien l-ewwel tilef il-bilanċ iżda b’xi mod żamm il-kontroll tal-mutur. Wara li niżel fis-16-il post, Marquez wettaq rimonta kbira biex tela’ fit-tielet post sakemm tilef il-kontroll tal-mutur fl-istess kantuniera b’konsegwenza li din id-darba weġġa’ spalltu serjament.

Marquez mar fi sptar f’Barcelona t-Tnejn li għadda u għamel l-operazzjoni t-Tlieta filgħodu, liema operazzjoni kienet suċċess. Minkejja li t-tobba u t-tim tiegħu qalu li mhux se jikkompeti fit-tieni tellieqa, b’tama li jirritorna fil-Grand Prix tar-Repubblika Ċeka, ilbieraħ Marquez ikkonferma l-intenzjoni li jtellaq fi tmiem il-ġimgħa.

Wara li llum irritorna f’Jerez, Marquez għamel eżami mediku waranofsinhar u ġie ddikjarat fiżikament tajjeb mit-tobba tal-Moto GP. Fuq nota simili, is-sewwieqa Cal Crutchlow u Alex Rins ukoll se jikkompetu fi tmiem il-ġimgħa wara li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, weġġgħu l-polz u l-ispalla rispettivament.