Lokali

Melvin Theuma għadu fl-ITU f’qagħda kritika

Għaddew 48 siegħa minn meta Net News żvela dak li ġralu Melvin Theuma. U sal-lum id-domandi għadhom ħafna.

Il-middleman Melvin Theuma, li kien ingħata l-maħfra presidenzjali, qatta’ t-tieni ġurnata tiegħu rikoverat fl-Isptar Mater Dei f’qagħda kritika.

Theuma kien instab fl-appartament tiegħu b’numru ta’ daqqiet ta’ sikkina f’għonqu u f’ġenbu; ġrieħi serji li għamel fuqu nnifsu, f’dak li qed ikun imfisser bħala attentat ta’ suwiċidju.

Dan u aktar, ħareġ waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li għamlu l-pulizija matul il-ġurnata tal-Erbgħa fejn ingħataw numru ta’ dettalji dwar x’ġara t-Tlieta bil-lejl fis-Swieqi, fir-residenza ta’ Melvin Theuma.

Dettall partikolari kien illi l-Pulizija daħlu fid-dar ta’ Theuma flimkien mas-sieħba tiegħu u kien hemmhekk fejn sabu lill-middleman mixħut f’għadira demm.

Il-pulizija qalu li s-sieħba ta’ Theuma waslet għall-ħabta tad-9:30pm. Madanakollu, sorsi li kienu fil-post it-Tlieta filgħaxija spjegaw ma’ Net News lili nnutaw lis-sieħba ta’ Theuma, akkumpanjata minn ommha u minuri, jaslu fil-post ftit minuti biss qabel Theuma inħareġ mill-appartament u ttieħed l-sptar.

Is-sorsi tagħna stqarru li lemħuha tasal fi Triq is-Sirk għall-ħabta tal-10:05pm madwar nofs siegħa wara l-ħin li ħarġu l-pulizija.

Melvin Theuma kien operat għal sigħat twal fl-istess lejl li ġara kollox, għall-ħabta tal-11pm. Diversi professjonisti li jaħdmu fl-ITU fissru ma’ Net News li l-middleman, kaġun tal-ġrieħi f’għonqu, għamel ħsara lill-kordi vokali.

Dwar dak li seħħ jumejn ilu, l-Gvern għadu ma ħareġ ebda stqarrija.