Raġel ta’ 26 sena minn Ħaż-Żabbar inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li ta daqqiet ta’ mqass lil mara li, allegatament, kienet qed tieħu filmat ta’ grupp ta’ nisa.
Rennie Fava li jaħdem bħala kaħħal tressaq quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri mill-Ispettur Joanna Piscopo akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi, li kkawżaw ħsara fil-ġisem tal-vittma u li wkoll kkawża biża’ ta’ vjolenza, li kiser il-paċi u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest preċedenti. Huwa kien akkużat ukoll li sar reċediv.
L-avukat ta’ Fava, Roberto Montaldo, f’isem il-klijent tiegħu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u talab il-libertà proviżorja, hekk kif il-vittma, li kienet preżenti fl-awla tal-Qorti kellha driegħa tax-xellug infaxxata.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat, fejn spjegat kif il-vittma kienet involuta f’argument ma’ tliet nisa f’Bormla nhar it-Tlieta wara nofsinhar. L-avukat parte civile François Dalli qal lill-Maġistrat kif beda l-argument.
Qal li l-vittma kienet qed titkellem fuq il-mowbajl tagħha u waħda mit-tliet nisa kienet akkużatha li ħadet vidjow tagħha u ta’ tnejn minn sħabha.
L-Ispettur Piscopo minn naħa tagħha qalet lill-Qorti li minn mkien, l-akkużat daħal fix-xeba u kellu mqass f’idu u qabad u attakka lill-vittma.
Fava jinsab bil-libertà proviżorja fuq allegat reat ieħor u kien qed jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu, sostniet l-Ispettur. L- AvukatMontaldo wieġeb għal din l-oġġezzjoni u qal li jkun hemm ksur tal-ħelsien mill-arrest, jiddependi mill-fatt jekk l-akkużat jinstabx ħati fuq dan il-każ.
Qal ukoll li ma hemm l-ebda riskju li x-xhieda jiġu kontaminati, aktar u aktar meta l-inċident kien instigat mill-vittma, sostna l-Avukat, u żied li l-każ kontra tagħha kellu jiġi ttrattat f’seduta f’kawża tad-distrett.
Huwa ssuġġerixxa li l-Qorti toħroġ ordni ta’ protezzjoni, peress li dan għandu jservi l-interessi taż-żewġ partijiet. Madankollu l-Qorti għażlet li żżomm ir-raġel taħt kustodja u qalet li ma kinitx sodisfatta li kien se jimxi mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti. Għaldaqstant il-ħelsien mill-arrest ġie rrifjutat.
//= $special ?>