Is-soluzzjonijiet għall-isfidi fit-trasport jeħtieġ li jindirizzaw mhux biss l-isfidi tal-lum iżda wkoll dawk ta’ għada. Pajjiżna jixraqlu pjan ħolistiku li jwassal għal qabża ‘l quddiem fis-settur tat-trasport, anke permezz ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport.
Sostna dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport Toni Bezzina, meta kien qed jieħu sehem f’Business Breakfast organizzat minn Newsbook.com.mt fejn ġew diskussi t-trasport u l-infrastruttura f’pajjiżna.
Toni Bezzina spejga kif skont studju li sar, l-ispiża indiretta li t-trasport għandu fuq pajjiżna ….fl-2012 kienet ta’ €275 miljun u huwa stmat li matul l-2020 din se titla’ ghal €315 miljun. Dawn l-ispejjeż huma riżultat ta’ għadd ta’ fatturi bħall-konġestjoni tat-traffiku, it-tniġġiż tal-arja, inċidenti tat-traffiku u adattament tat-tibdil fil-klima. Għaldaqstant, hemm bzonn investiment f’sistema ta’ trasport effiċjenti li ssarraf f’inqas spejjeż indiretti fuq l-ekonomija tagħna.
Huwa qal li sfortunatament l-Gvern mhux qed jaħseb għall-isfidi tal-futur iżda qed jillimita ruħu għall-preżent. L-unika soluzzjoni li qed jagħti hija li jwessa’ t-toroq u jżid aktar l-ammont ta’ karozzi, b’konsegwenzi negattivi fuq l-ambjent bit-teħid ta’ art agrikola, tqaċċit ta’ siġar u b’żieda f’mard respiratorju.
Id-deputat Toni Bezzina qal li hemm nuqqas ta’ kordinament fix-xogħolijiet ta’ toroq li jinqalgħu f’daqqa, b’konsegwenzi negattivi fuq il-flow tat-traffiku. U huwa propju ghalhekk li l-Partit Nazzjonalista qiegħed iressaq diversi proposti, fosthom li jkun hemm inċentivi fiskali lill-kumpaniji privati biex jorganizzaw trasport kollettiv għall-ħaddiema tagħhom.
Fl-istess attivita’ intqal kif il-PN qed jinsisti li l-gvern għandu jmexxi bl-eżempju billi jiġi provdut trasport kollettiv għall-ħaddiema kollha tiegħu. It-tieni proposta hi li għandha tiżdied it-tax rebate lill-kumpaniji privati li jinvestu f’karozzi tal-elettriku.
Apparti dan, għandu jiġi emendat l-avviż legali li ġie introdott riċentament biex jagħmilha aktar faċli li aktar żgħażagħ jibdew jagħmlu użu mill-e-scooters, li hu mezz nadif tat-trasport. Dan flimkien mal-introduzzjoni ta’ aktar bicycle lanes sikuri.
Fl-istess Business Breakfast ħadu sehem diversi esperti f’dan is-settur fosthom il-President tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ David Xuereb, illi qal li għandhom ikunu żviluppati iktar opportunitajiet fejn in-nies ikunu jistgħu jaħdmu mid-dar u fejn ikunu użati aktar mezzi ta’ trasport bħar-roti. Iżda biex dan isir ….irid ikun hemm aktar sigurtà fit-toroq tagħna.
//= $special ?>