Il-President Amerikan Donald Trump, qed iħejji biex jibgħat ‘mewġa’ ta’ aġenti federali għaż-żamma tas-sigurtà lejn l-ibliet ta’ pajjiżu bħala ‘fażi deċiżiva’ ta’ kampanja kontra l-kriminalità fid-diversi bnadi.
Il-belt ta’ Chicago u talanqas żewġt ibliet Amerikani li huma amministrati mid-Demokratiċi (fl-Oppożizzjoni) huma mira speċjali għal dan il-pass, fost spinta ta’ vjolenza fit-toroq ta’ dawn l-ibliet li ilha għal diversi jiem.
Madankollu, din il-politika ta’ Trump qed titqies bħala kontroversjali u radikali. Dan meta l-istazzjonar tal-aġenti fil-belt ta’ Portland, f’Oregon, qajjem it-tensjoni fost il-protesti regolari u kontinwi tad-dimostranti lokali.
Il-President Trump qed jinsisti dwar ir-restawr tal-ordni u rispett għal-liġi bħala element ewlieni tal-programm elettorali tiegħu – u meta hu qed jittama li jirbaħ tieni mandat ta’ Presidenza fl-elezzjoni ta’ Novembru.
Mindu, fil-25 ta’ Mejju, seħħ il-qtil ta’ George Floyd — raġel Afrikan-Amerikan li tilef ħajtu waqt li kien miżum arrestat mill-pulizija f’Minneapolis – inqalgħu numru kbir ta’ protesti f’għexieren ta’ bliet Amerikani u li kemm-il darba kienu karatterizzati bi vjolenza u ksur tal-bwon ordni.
Fl-aħħar jiem kienet anki rappurtata żieda fil-vjolenza ‘bl-armi tan-nar’ qalb iz-zoni metropolitani li jinkludu l-belt ta’ New York, Philadelphia, Los Angeles, Chicago u Milwaukee.
Issa, il-‘proġett tas-sigurtà’ li qed jippjana Trump għandu jinvolvi aġenti tal-FBI, il-US Marshals u aġenziji federali oħra li għandhom jaħdmu flimkien mal-uffiċjali għall-infurzar tal-liġi fid-diversi lokalitajiet fejn hemm l-inkwiet.
Dan waqt li Trump – li qed jitlef mill-popolarità skont l-aħħar stħarriġ ta’ opinjoni – baqa’ jinsisti dwar il-ħtieġa ta’ din il-miżura ‘fil-konfront tal-vjolenza li qed tweġġa’ lill-kuxjenza tan-nazzjon’. Il-President, intant, kompla jakkuża lid-Demokratiċi li huma ‘dgħajfin quddiem il-vjolenza attwali’.
//= $special ?>