Coronavirus Lokali

Tħassib fost l-istabilimenti tal-catering

Tħassib serju mill-Assoċazzjoni tal-Istabilimenti tal-Catering hekk kif il-Gvern qed jiddiskrimina bejn ir-ristoranti.

Fi stqarrija maħruġa mill-istess Assoċazzjoni intqal illi l-ftuħ mill-ġdid tar-ristoranti għen biex jibdew jirkupraw finanzjarjament, iżda dan l-irkupru għadu wieħed marġinali ħafna. L-ispejjeż baqgħu relattivament għoljin…. u l-Gvern qed ikun insensittiv għad-diskriminazzjoni li qed tinħoloq bejn ristoranti tal-lukandi u ristoranti oħra. Dan hekk kif ir-ristoranti tal-lukandi jirċievu suppliment ta’ paga ogħla minn ristoranti oħra.

Ladarba l-wage suppliment jintemm, diversi ristoranti jkollhom isibu modi oħra biex iżidu d-dħul tagħhom. Jekk dan ma jsirx, allura hafna ristoranti jkollhom ikeċċu ħafna mill-ħaddiema tagħhom.

Jekk is-suppliment tal-pagi jibqa’ għaddej għal-lukandi u mhux għar-ristoranti waħedhom, dan se jkun ta’ tħassib kbir għall-industrija minħabba li r-ristoranti tal-lukandi qed jingħataw spinta ….waqt li ristoranti oħra le. Huma qed jisħqu li l-Gvern iddeċieda li jpoġġi lir-ristoranti tal-lukandi b’vantaġġ inġust fuq ir-risoranti l-oħra.

Intant, stharrig li sar mill-Assoċazzjoni tal-Istabilimenti tal-Catering wera kif in-nuqqas ta’ turisti u d-distanza soċjali li qed tintuża ghall-imwejjed huma l-kontributuri ewlenin li qed joħolqu problemi finanzjarji ghal tar-ristoranti. 52.5% qalu li l-problema prinċipali li qed jaffaċċjaw hija n-nuqqas ta’ turisti, filwaqt li 17.5% qalu li miżuri ta’ prekwazjoni fosthom id-distanza soċjali qed tħalli impatt ukoll.

Ir-ristoranti reġgħu fetħu l-bibien tagħhom lejn l-aħħar ta’ Mejju fejn daħlu fis-seħħ numru ta’ restrizzjonijiet sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-coronavirus. Għalkemm il-każijiet naqsu ħafna, in-nies xorta għadhom kawti.

47.5% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ wieġbu li madwar kwart tal-imwejjed biss kienu okkupati waqt il-peak tal-ħin tal-ikel. 32.5% saħansitra qalu li mhux qed joffru ikel f’nofsinhar.

Il-ristoranti li għandhom biss post bil-qiegħda fuq ġewwa huma l-aktar li jinsabu fl-inkwiet, bl-istħarriġ jiddikjara li n-nies għadhom jibżgħu li jmorru f’ristorant fil-magħluq.