Lokali Temp

Twissija dwar temperatura għolja

L-uffiċċju meterojoloġiku fl-ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jindika li s-sħana preżenti mistennija tippersisti u tkompli tiżdied bl-ogħla temperatura mistennija titla’ sa 34°C.

L-appell kontinwu huwa biex wieħed jixrob aktar ilma u xarbiet friski fix-xhur tas-sajf u speċjalment f’dawn il-jiem ta’ sħana qawwija. It-temperaturi għoljin jikkaġunaw aktar telf ta’ ilma mill-ġisem li jista’ jirriżulta f’li wieħed jixxotta (dehydration). Jistgħu jikkaġunaw ukoll xemxata.

Is-sħana tista’ taffetwa lil kulħadd, speċjalment anzjani, trabi u tfal żgħar. Persuni li qed ibatu b’xi kundizzjoni kronika jew huma attivi ħafna, għandhom aktar ċans li jiġu affetwati.

Biex wieħed jevita dawn l-effetti, huwa importanti li: Jevita li joħroġ barra bejn 11.00am u l-4.00pm, li joqgħod f’postijiet friski fid-dar jew il-post tax-xogħol, li jixrob ilma frisk regolarment u li wieħed jiekol ikel frisk.