Coronavirus Lokali Saħħa

6 każi ġodda ta’ Coronavirus, kollha marbuta mal-każ tal-bieraħ

Illum ġew reġistrati sitt każi ġodda ta’ Coronavirus.

Dawn ħarġu minn 934 swab tests li saru fl-aħħar 24 siegħa. B’dawn il-każi, in-numru ta’ każi attivi irdoppja minn 6 għal 12 hekk kif ma kienx hemm persuni li fiequ.

Dan kien l-ogħla numru ta’ każi ġodda għal diversi ġimgħat hekk kif l-aħħar darba li kien hemm 6 każi ġodda f’ġurnata kien iktar minn xahar ilu, preċiżament fis-17 ta’ Ġunju.

Minn informazzjoni maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa fuq il-paġna ta’ Facebook, il-Ministeru qal li dawn is-sitt każi huma cluster marbuta mal-każ tal-bieraħ.

Ilbieraħ filgħaxija, l-Awtoritajiet tas-Saħħa kienu ikkonfermaw li l-aħħar każ irriżulta minn party tal-massa li sar f’lukanda f’San Ġiljan u appellaw biex kulmin mar f’din l-attivita’ għandu jagħmel appuntament għal swab test.

F’reazzjoni għal dawn l-aħħar numri, il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) it-Tabib Martin Balzan qal li l-avvenimenti tal-massa huma perikolużi u hemm bżonn li jitwaqqfu sakemm ikun żviluppat vaċċin.

B’dawn l-aħħar ċifri, in-numru ta’ każi totali issa tela għal 686. In-numru ta’ persuni li fiequ baqa’ ta’ 665.